Ritratt: “Malti” liebes flokk bi kliem oxxen jeħlisha mill-qrun tal-barri

Raġel li jidher hu Malti mar jieħu sehem fit-tlielaq mal-barrin fi Spanja u spiċċa fil-faċċata ta' gazzetta Awstraljana minħabba li rnexxielu jeħlisha minn taħt il-qrun tal-barri.
Iżda f'Malta dan ir-ritratt qed idur malajr fuq l-internet mhux għax ħeles mid-daqqa, iżda għaliex ir-raġel kien liebes flokk bi kliem oxxen bil-Malti.  Fuq quddiem kellu s-salib tal-Kavallieri.
Ħafna kkritikaw lil dan il-Malti: kemm għax bil-kliem oxxen ħammar isem il-Maltin kif ukoll għall-Malti miktub ħażin.
Ovvjament, il-ħaddiema tal-ġurnal The Advertiser ma ċċensurax il-kliem ta' fuq il-flokk għax wisq probabbli ma jafux bil-Malti.
Fir-ritratt li qed nuru ma' dan l-artiklu, jidher il-Malti mkaxkar mal-art, il-barri u raġel ieħor li mar isalvah.
Bħalissa fil-belt ta' Pamplona fi Spanja qed jiġi ċċelebrat il-festival ta' San Firmino u għal disat ijiem sħaħ fit-toroq, in-nies titlaq tiġri mal-barrin, bit-tama li ma jweġġgħux.
It-tiġrijiet jispiċċaw f'arena fejn imbagħad jinqatlu l-barrin.