Filmat: Bosta żgħażagħ fil-funeral ta’ Nolan Farrugia

Is-Sibt fit-3.00pm bosta żgħażagħ, familjari u ħbieb taw l-aħħar tislima lil Nolan Farrugia tawh fil-Knisja Arċipretali tas-Siġġiewi. Iż-żagħżugħ, tilef ħajtu traġikament nhar il-Ħamis li għadda f’ Ħal Luqa.

Il-Quddiesa ġiet iċċelebrata minn Dun Chris Ellul, Arċipriet ta’ Ħal Tarxien, iżda li kien jaf lil Nolan miż-żmien li dam Viċi Arċipriet tas-Siġġiewi.

Fi Knisja ppakkjata minn dawk li kienu jafu lil Nolan, Dun Chris Ellul qal li mhux faċli li f’dan il-mument iqaddes din il-quddiesa ta’ persuna li ħadem mill-qrib miegħu kemm meta kien abbati kif ukoll wara, fil-grupp ta’ żgħażagħ. Huwa qal li Nolan kien preżenti fil-ħajja tiegħu kemm meta kien għadu seminarista, meta sar djaknu kif ukoll meta sar qassis.

’Inqatgħet l-ewwel petala tal-warda’

Ħabib ta’ Nolan iddiskriva lil Nolan bħala petala minn warda, huwa u jagħti l-aħbar tal-mewt lil Dun Chris fuq il-mowbajl. Huwa qal li dam jaħseb ħafna fuq din il-frażi u qabbilha mal-ħbiberija. Semma li Nolan kien ifittex lil Alla u kien japprezza li Nolan u sħabu jistaqsuh ħafna mistoqsijiet fuq il-ħajja u dawn nisslu fih sfidi kbar biex hu wkoll jikber fl-intimità ma’ Alla.

Huwa semma li permezz ta’ Nolan wieħed irid jagħraf il-ħajja u japprezzaha u mhux neżistu biss imma li napprezzaw verament dak li għandna madwarna. Huwa jsemmi tliet espressjonijiet li jfakkruh f’Nolan.

Nolan qal li kien bniedem kalm ħafna u kien jagħmel kollox bil-kalma u bil-mod u dan ifakkarna biex nagħtu l-ħin, is-smigħ u l-imħabba għal kulħadd.

Huwa jsemmi kif Nolan kellu ħafna ħbiberiji u relazzjonijiet u dawn jixduh il-ħbieb tiegħu li kienu preżenti għall-funeral. Huwa semma l-importanza ta’ dawn il-ħbiberiji li nsibuhom meta fil-ħajja niltaqgħu mal-għawġ u flimkien jagħmlu l-petali tal-ħajja.

L-aħħar espressjoni ta’ Nolan kienet it-tbissima u jittama li t-tbissima ta’ Nolan tfakkarna li hemm bżonn nitbissmu aktar anke f’dawn il-mumenti diffiċli. Huwa qal li hemm bżonn li nitbissmu lejn il-ħajja u narawha b’mod sabiħ.

Fl-aħħar nett huwa jagħmel referenza għall-Evanġelju biex bħal San Ġwann Appostlu, emmen minkejja li daħal fil-qabar vojt mingħajr Ġesù. Huwa appella biex minkejja li l-fidi hija għajjiena u l-għajnejn jinsabu tqal f’dawn il-mumenti, jittama li wieħed jara u jemmen li Nolan qiegħed f’dirgħajn ir-Ragħaj it-Tajjeb u se jwasslu fil-ħajja ta’ dejjem.

Huwa rringrazzja lil Nolan għall-ħbiberija tiegħu u jitolbu biex jitlob għal dawk l-aktar qrib tiegħu biex bil-fidi u fil-ħajja jibqgħu petali minsuġa flimkien f’warda li togħġob lil Alla.