Ritratti: Jakkużawhom għax sabu kelba abbandunata u tawha ħajja ġdida

Kuljum, l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Animali Abbandunati (AAA), tilqa’ għandha numru ta’ klieb li jinstabu fit-toroq, ħafna minnhom mhux f’saħħithom u anke b’feriti.
Fost dawn, fl-aħħar jiem, l-AAA salvaw kelba Boxer li tawha l-isem ta’ Veronika.
Malli sabu l-kelba, għamlulha testijiet tad-demm u sabu li mhux marida iżda kellha ġuħ u għatx kbir.
Rosalind Agius, voluntiera tal-AAA, spjegat ma’ Newsbook.com.mt li Veronika, bħal kull kelb jew kelba oħra li jispiċċaw għandhom, ingħatat kura u mħabba u ġaladarba kienet fi stat tajjeb ippruvaw isibulha dar
Iżda din il-ġimgħa, malli tpoġġa fuq Facebook ir-ritratt ta’ Veronica, xi ħadd kiteb jakkuża lill-Assoċjazzjoni li l-uniku ħaġa li tagħmel hi li ssewwi l-klieb mingħajr ma tgħid fejn sabithom u forsi tivverifika jekk ħarbux bi żball.
Fuq Facebook, l-AAA saħqet li hi dejjem timxi mal-liġijiet u r-regolamenti kollha. Spjegat li Veronika waslet mingħajr microchip, tabella u meta ma kien hemm l-ebda rapport ta’ kelba nieqsa, apparti l-ġuħ u l-għatx li kellha.
Spjegaw ukoll li huma jistennew il-ġranet stipulati mil-liġi biex isewwu l-klieb.
Ma’ Newsbook.com.mt, Rosalind Agius qalet li trid tkun voluntier biex tifhem kemm hawn min jitħajjar iġib il-klieb imbagħad ineħħihom għax jiddejqu minnhom.
Qalet li t-telefowns ma jifqux, min irid ineħħi l-kelba għax is-sieħeb il-ġdid ma jħobbhomx, min għax se jbiddel l-għamara u ma jridx klieb u min għax irid ibiddel il-lifestyle.
"L-abbandun qatt ma għandu jiġi ġġustifikat u is-santwarji huma parti mis-soluzzjoni u mhux il-problema," saħqet Rosalind Agius.
Kull min jixtieq jgħin jew jirraporta xi każ jista jċempel lis-santwarju fuq 79730921