Ritratti: Iqattgħu wiċċ Kristu minn fuq billboard kummerċjali

Membri tal-Għaqda Patrijotti Maltin qattgħu wiċċ Ġesù minn fuq billboard li tpoġġa minn New York Best Pizza ġewwa Skate Park fl-Imsida.
Il-billboard twil 12-il metru, huwa parodija tal-kapolavur ta’ Leonardo da Vinci.
Minflok l-ikel li tpitter minn da Vinci, fosthom is-simboli tal-Ewkaristija u ikel ieħor marbut mal-ikla Lhudija tal-Għid, l-artist Daniel Mercieca, poġġa burgers, chips, pizza u milkshake.
Il-billboard qajjem diskussjoni sħiħa fuq il-midja soċjali, min iqisu bħala xogħol tal-arti u min jikkundanna l-artist li waqqa’ għaċ-ċajt mhux biss kapolavur tal-arti imma anke pittura sagra.
F’intervista ma’ Xarabank, l-Arċisqof iddeskriva dan ir-riklam bħala “bad taste.”
"Meta rajt ir-ritratt tar-reklam tal-Aħħar Ċena ta' Leonardo Da Vinci bil-pizza u ċ-chips ġewni f'moħħi żewġ kelmiet bl-Ingliż: bad taste. U forsi dak huwa l-veru messaġġ tar-reklam," qal Monsinjur Scicluna.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Police Officers Union, Sandro Camilleri, qal mal-Malta Today li għandhom jittieħdu passi kontra l-Membri tal-Għaqda Patrijotti Maltin.
Huwa qal li "ħadd ma għandu jieħu l-liġi b'idejh," u li l-Għaqda Patrijotti Maltin imisshom ħallew f'idejn l-awtoritajiet biex jaraw il-billboard kienx illegali jew le.
Aktar kmieni, Camilleri kiteb fuq Facebook u anke xandar filmat jgħid li mhux se jidħol fil-kontroversja dwar il-kontenut tal-billboard u li ma kienx jaf jekk kellux permess jew le.
Ħafna kkritikaw lil Camilleri fuq dan il-kumment, iżda hu qal li ma fehmux x'kien qed jgħid. Spjega li meta qal li ma jafx jekk il-billboard kien legali jew le, kien qed jirreferi għall-permess.
Membri tal-Għaqda Patrijotti Maltin tefgħu r-ritratti fuq il-paġna ta’ Facebook. Uħud minnhom, waqt li rrikonoxxew li l-att tagħhom kien wieħed vandalu, qalu li dan huwa ġġustifikat u għamlu dak li kien sewwa.