Ritratt: Il-bankina għall-billboards jew għan-nies?

Familja Maltija li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kienet għal btala f’Għawdex, qalet ma’ Newsbook.com.mt kemm tinsab diżgustata bl-illegalitajiet li hemm fix-Xlendi.
Spjegat kif bankina, li suppost qiegħda hemm biex jgħaddu n-nies minnha, spiċċat il-bażi ta’ billboard li qed isserraħ ma’ mejda.
Sadanittant, il-billboards li hemm fir-Rabat Għawdex u li kellhom jitneħħew fit-30 ta’ Lulju li għadda, għadhom fejn kienu. Dan minkejja l-avviż tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar biex dawn il-billboards u dak kollu relatat mat-twaħħil tagħhom, jitneħħew fi żmien tlett ijiem.
Fost dawn il-billboards hemm waħda fi Triq Fortunato Mizzi u oħra fi Pjazza J.F. Kennedy fir-Rabat. Uħud minn dawn il-billboards kienu jintużaw fi żmien l-aħħar elezzjoni ġenerali u l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.  
Mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-MEPA għadhom ma ġewx imwieġba.