Ritratt ġdid tar-Reġina mal-eredi tagħha

Ir-Reġina Eliżabetta ntweriet mal-Prinċep Charles, il-Prinċep William u l-Prinċep George f’ritratt uffiċjali rari mat-tliet eredi tagħha.

Waqt li laqgħet id-deċenju l-ġdid 2020 il-Familja Rjali ippubblikat ritratt tar-Reġina u t-tliet rejiet futuri li ttieħed mill-fotografu Ranald Mackechnie. Din hija biss it-tieni darba li nħareġ ritratt tal-erba’ rjali kollha flimkien.

Ir-ritratt sħiħ

Ir-ritratt tar-Reġina flimkien mal-Prinċep Charles, il-Prinċep William u l-Prinċep George ittieħed fil-Palazz ta’ Buckingham ftit qabel il-Milied. Ir-Reġina tidher fuq quddiem b’libsa bajda bi brazzuletta blu u għandha waħda mill-handbags ikoniċi tagħha. Warajha u fuq kull naħa tagħha bil-wieqfa jidhru l-Prinċep Charles u l-Prinċep William. Il-Prinċep George jidher fuq tarġa biex ilaħħaq ftit mar-Reġina.

L-ewwel ritratt tal-erba’ rjali flimkien kien inħareġ f’April 2016 biex ifakkar id-90 sena ta’ għeluq snin ir-Reġina u kien ittieħed ukoll minn Mackechnie. Dak iż-żmien il-Prinċep George kellu sentejn.