Aġġornata: 8 ħaddiema biex jibdlu bozza; l-Enemalta tispjega

Matul il-ġurnata xxerred ritratt ta’ 8 ħaddiema tal-Gvern jibdlu bozza max-Xatt ta’ Tas-Sliema, preċiżament fejn il-Ferries. Ir-ritratt qajjem diversi reazzjonijiet b’bosta jikkummentaw dwar il-ħela ta’ riżorsi u oħrajn b’ton sarkastiku jikkummentaw dwar l-effiċenza tal-ħaddiema mas-servizz pubbliku.

Dan wassal lill_Enemalta biex toħroġ stqarrija u tgħid li fir-ritratt jidhru daqshekk ħaddiema għax kienet qed issir dimostrazzjoni ta’ kif għandhom jiġu nstallati d-dwal il-ġodda dekorattivi tul ix-xatt ta’ Tas-Sliema. Qalu li minn tmiena, l-ħaddiema nqassmu gruppi ta’ tnejn biex ix-xogħol isir b’aktar effiċenza.

Intant, f’ritratt separat li ttieħed dalgħodu u li ntbagħat lil Newsbook.com.mt jidhru ħaddiema oħra din id-darba qrib il-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta fejn l-attivisti waqqfu l-mafkar għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia li bħalissa huwa magħluq bil-barrikati.

Aktar mill-barrikati, ħaddiema kienu qed jibnu palk ġdid li mistenni jintuża għal żmien il-Milied u li kif tpoġġa qiegħed ikompli jgħatti l-mafkar tal-ġurnalista minn għajn in-nies li ta’ kuljum jidħlu fil-Belt Kapitali.

Il-qarrej ta’ Newsbook.com.mt wkoll ikkummenta li bħalma ġara fil-każ ta’ Tas-Sliema, għadd ta’ ħaddiema kienu qed jagħmlu biċċa xogħol li faċilment setgħet saret minn ftit ħaddiema.