Ritorn ta’ zona mitluqa f’Baħar iċ-Ċagħaq?

Read in English.

12-il sena wara li l-awtoritajiet ħadu azzjoni u żbarazzaw dak li kien żviluppa bħala raħal żgħir b’binjiet illegali fi stat mitluq, jidher li se jerġa’ jitfaċċa fis-sit li fih hemm il-karavans f’Baħar iċ-Ċagħaq.

L-art li taqa’ taħt ir-responsabbilità ta’ Safari Camping Club kienet ġiet żbarazzata waqt ħidma li damet għal numru ta’ ġranet bil-preżenza tal-Pulizija lura f’Ottubru tal-2008. Madanakollu, kien intlaħaq kompromess mas-Safari Camping Club li l-karavans jistgħu jirritornaw lura f’dan is-sit bejn Ġunju u Settembru bil-kundizzjoni li la jitilqu jħallu s-sit vojt.

Fl-2013, ġie emendat dan il-ftehim u l-perjodu ġie estiż bejn il-15 ta’ Mejju u l-15 ta’ Settembru biex b’hekk jiżdied il-perjodu li fih jistgħu joqogħdu l-karavans f’dan is-sit. Minn dak iż-żmien ‘l hawn kollox mexa sew u ma’ tmiem is-sajf kienu qegħdin jiġu żarmati l-istrutturi temporanji ta’ madwar il-karavans u l-karavans jitilqu ‘l hemm. Madanakollu jidher li l-2020 kienet eċċezzjoni.

Jekk kien hemm, kienu ftit li telqu minn dan is-sit. Numru sostanzjali ta’ karavans u strutturi oħrajn illegali sa ramaw id-dekorazzjonijiet tal-Milied.

Numru ta’ karavans jinsabu fil-viċinitajiet ta’ madwar dan is-sit, iżda ħafna minnhom kienu suġġetti għal enforcement notices. Kelliem għall-Awtorità tal-Ippjanar ikkonferma li l-kundizzjonijiet tal-operazzjoni f’dan is-sit ma jaqgħux taħt din l-awtorità jiġifieri ma jistgħu jieħdu l-ebda azzjoni.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Ekonomija li huwa responsabbli mill-artijiet iżda s’issa ma rċivejna l-ebda risposta. Minħabba li għad m’hemm l-ebda spjegazzjoni mhuwiex ċar jekk is-sidien tal-karavans humiex qegħdin jiksru r-regolamenti tal-ftehim jew inkella jekk ir-regolamenti għadhomx l-istess u humiex fis-seħħ.