“Ritmu ekonomiku bis-saħħa tal-ħaddiema barranin” – MDA

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltija (MDA) qalet li r-ritmu tal-ekonomija li ntlaħaq fil-pajjiż ma kienx ikun possibbli mingħajr il-ħaddiema barranin.
F’Novembru li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat, talab lin-nies miġbura quddiemu biex ma jħallu lil ħadd idaħħlilhom sentimenti xenofobiċi u fl-istess waqt tkellem dwar il-ħtieġa ta’ aktar ħaddiema barranin f’Malta.
L-MDA qalet li kull miżura li tittieħed biex tnaqqas l-influss ta’ ħaddiema barranin tagħmel ħsara lill-ekonomija fis-sens li żżomm lura l-momentum ekonomiku li ntlaħaq.
F’Jum il-Ħaddiem, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella biex “ma niffukawx li nġibu lill-ħaddiema minn barra u nitilfu lil uliedna”.
Spjegat li l-ħaddiema barranin qed jagħtu kontribuzzjonijiet permezz tas-Sigurtà Nazzjonali kif ukoll iħallsu taxxi diretti u oħrajn indiretti permezz tal-konsum tagħhom f’Malta.
L-MDA qalet li Malta tinsab ekonomikament fuq quddiem mal-aktar stati avvanzati fl-Unjoni Ewropea u saħqet li dawn il-ħaddiema għandhom ikunu milqugħa sakemm ikunu rispettati l-liġijiet, inkluż dawk li jirregolaw l-impjieg u x-xogħol.