Ristoranti, bars u ħwienet fil-birrerija l-antika ta’ Farsons

Il-kumpanija Simonds Farsons Cisk qed tanalizza l-pjan għall-iżvilupp tal-Farsons Business Park fl-Imrieħel.
F’dan il-proġett, il-parti tal-birrerija fejn kienet tissajjar il-birra u dawk li qabel kienu swali fejn isir l-ippakkjar, se jinbidlu f’ċentru kummerċjali u uffiċji.
Iċ-Ċermen tal-Grupp Farsons, Louis A Farrugia, ħabbar id-dettalji waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-kumpanija.
La jitlesta, il-proġett se jkollu spazju kummerċjali ta’ madwar 50,000m2 b’uffiċċji, kif ukoll ħwienet, ristoranti, bars u faċilitajiet ta’ divertiment, kulturali u soċjali.
Il-faċċata tal-Birrerija mistennija tkun restawrata b’attenzjoni kbira biex tkun minn tal-ewwel li tesponi l-wirt industrijali ta’ Malta.
Farrugia qal li l-Grupp Farsons jinsab fiduċjuż li l-Business Park jgħin biex jittrasforma ż-żona industrijali tal-Imrieħel u fl-istess waqt jikkontribwixxi lejn l-ekonomija ta’ Malta permezz ta’ spazju ta’ kwalita’.
Il-kumpanija Ingliża tal-periti, Ian Ritchie, qed tieħu ħsieb il-pjan tal-proġett.
Intant, fi tmiem il-laqgħa ġie approvat dividend finali ta’ €1.5 miljun, biex b’hekk id-dividend totali dikjarat għas-sena hu ta’ €2.5 miljuni, l-istess bħas-sena l-oħra.