Riskju ta’ katastrofi umana fis-Sirja bil-Knisja sservi bħala sptar

Pazjent Sirjan jieħu kura fi sptar immexxi mill-Knisja Kattolika.

Skont l-aħħar rapporti tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Sirja possibbli jkun hemm katastrofi umana hekk kif qed jidher li fl-aħħar xahrejn il-ġlied f’Idlib diġa’ ħoloq madwar 700,000 persuna mitlufa internament. Dan in-numru kbir jiżdied ma’ miljuni oħra li saru refuġjati fl-aħħar snin.  Dan iddikjarah Mons. Mario Zenari, Nunzju Apostoliku f’Damasku.

F’kummenti lilll-aġenzija AsiaNews il-Kardinal qal li s-siwazzjoni fil-pajjiż għadh waħda kritika u aktar ma jgħaddi ż-żmien il-Knisja qegħda dejjem  isservi “bħala sptar”.

Bħalissa l-akbar problem huma fit-tramuntana tas-Sirja fejn l-armata regolari hi nvoluta f’offensiva kbira fir-reġjun ta’ Idlib li għadu fil-kontroll tal-gruppi Jihadisti u r-ribelli megħjuna mit-Turkija.

Minn Diċembru ‘l hawn aktar minn 689,000 kellhom jaħarbu minn djarhom u dan in-numru mistenni jkompli jikber hekkkif il-ġlied qed ikompli.

Riċentement, il-Papa Franġisku ma setax jaħbi d-dwejjaq tiegħu għas-sitwazzjoni ta’ tant nisa u tfal u persuni oħra li kellhom jaħabru minn djarhom minħabba dan il-ġlied. Dakinhar hu ħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tuża’ d-diplomazija, taħditiet u negozjati, skont il-liġi umanitarja internazzjonali biex tħares il-ħajja tan-nies ċivili.

Il-Kardinal Zenari spjega li “il-Papa Franġisku qed jirreferi għas-sitwazzjoni fis-Sirja b’żewġ modi: Il-Knisja bħala sptar u l-Knisja li trid timxi ‘l quddiem. Fil-fatt waħda mill-missjonijiet ewlenin tal-Knisja hi l-ħidma umanitarja, grazzi għall-insara minn madwar id-dinja u diversi istituzzjonijiet Kattoliċi li qed jibgħatu l-għajnuna tagħhom”.

Foqra jfittxu l-Knisja

Il-Kardinal fakkar li l-foqra, il-morda u dawk bil-ġuħ, qed iħabbtu fuq il-bieb tal-Knisja. L-aħħar ċifri juru li hemm 13-il miljun persuna milquta minn din il-gwerra, li jinsabu bla dar. Dawn għandhom bżonn għajnuna umanitarja, ikel u mediċinali. Aktar min-nofs il-popolazzjoni kollha tas-Sirja hi fil-bżonn.

F’dan il-kuntest, il-Knisja Kattolia, għalkemm żgħir fin-numru, hi nvoluta ħafna. Qegħda fuq quddiem nett biex tgħin fil-ħtiġijiet bażiċi tal-poplu billi toppri l-mediċini u toffri kenn mill-kesħa kbira f’temperaturi taħt iz-zero u din il-kesħa tkompli tiggrava l-problema tal-ġuħ.

Biex tlaħħaq mad-domanda kbira li għandha l-Knisja fis-Sirja, tliet snin ilu, bl-għajnuna tas-Santa Sede u l-Papa Franġisku nnifsu, nidiet proġett ta’ “sptar miftuħ” u qed tipprovdi faċilitajiet mediċi f’Damasku u Aleppo. Dawn l-isptarijiet illum huma fost il-ftit faċilitajiet mediċi fil-pajjiż.

“Fi tmiem l-2018, ll-Organiżazzjoni Dinjia tas-Saħħa kienet tistma li 44 fil-mija tal-isptarijiet fis-Sirja kienu għadhom jipprovdu servizzi u l-oħrajn waqfu minħabba l-ġlied. Sena wara dan in-numru kompla jonqos.

L-għajuna li jagħtu t-tliet sptarijiet Kattoliċi hi essenzjali f’pajjiż fejn 8 minn kull 10 persuni jgħixu fil-faqar.

Skiet u indifferenza

F’Diċembru li għadda aktar minn 30,000 pazjent ngħataw kura fl-isptarijiet tal-Knisja li qed jirsistu biex ikunu jistgħuq jaqdu mal-50,000 persuna fqira ta’ kull reliġjon jew oriġini etnika. Fil-fatt ħafna mill-pazjenti huma Musulmani għax l-insara jagħmlu 2 fil-mija biss tal-popolazzjoni fis-Sirja.

Il-Kardinal żied jispjega li l-ħidma tal-Knisja fir-reġjun għandha żewġ skopijiet: li tfejjaq in-nies fiżikament biex imorru lura d-dar u li tfejjaq is-soċjetà. Is-sorijiet li jaħdmu f’dawn l-isptarijiet iħossu sodisfazzjoni. “Ħafna drabi l-bieb Musulmani tagħna iħossuhom kommossi jaraw lill-Knisja Kattolika jikkuraw lit-tfal u l-anzjani tagħhom. Aħna nippruvaw infejjqu l-ġisem u nibnu rabtiet soċjali u b’hekk ir-rispett lejn l-insara qed jikber”.

Sfortunatament is-sitwazzjoni fis-Sirja mhux qed titjieb u għalhekk il-Knisja trid tkompli bl-isforzi tagħha u tgħin f’din l-emerġenza tas-saħħa.

Għalhekk l-għajnuna u s-solidarjetà tal-knejjes u l-kattoliċi minn madwar id-dinja hi mportanti ħafna. Fuq kollox hu kruċjali li wieħed jibqa’ jsegwi dak li qed iseħħ fis-Sirja u ma jinsiex din it-traġedja. L-agħar mod li bih tista’ toqtol hu billi tibqa sieket u tkun indifferenti, temm jgħid il-Kardinal Zenari.