Riskju ta’ ġenoċidju ieħor mill-insara fil-Lvant Nofsani

Father Andrzej Halemba (Credit: Aid to the Church in Need)

L-insara fil-Lvant Nofsani jinsabu f’riskju dirett li jgħaddu mit-tieni ġenoċidju li qed jhedded li jiknishom mill-artijiet tal-Bibbja. Din hi l-fehma ta’ espert mir-reġjun li ilu għal dawn l-aħħar għaxar snin jikkoordina ħidma ta’ emerġenza fl-inħawi.

Father Andrzej Halemba, li jmexxi l-proġetti tal-aġenzija Aid to Church in Need isostni li l-insara jistgħu jisparixxu għal kollox minn pajjiżi bħalma huma l-Iraq u s-Sirja fejn ilhom jgħixu sa minn żmien l-Appostli.

“Ma nistax nimmaġina l-Lvant Nofsani mingħajr insara.  Huma qed jiffaċċjaw theddida reali għax l-ISIS iridu jeqirdu lill-insara. Il-mentalità ġenoċida teżisti fil-gruppi Al-Nusra u oħrajn.

“Jekk l-insara jkunu flimkien u jgħinu lil xulxin, jistgħu jibqgħu fil-Lvant Nofsani, jekk le jista’ jiġri bħat-Turkija wara l-ġenoċidju tal-1915.”

Father Halemba qal li jekk jinqered il-Kristjaneżmu tkun traġedja għall-pluralità reliġjuża anke għaliex l-insara għandhom rwol li jaħdmu f’żoni ta’ kunflitt. “L-insara huma r-ruħ tal-pajjiż u għandhom sehem importanti ħafna fis-soċjetajiet tal-Lvant Nofsani għax jaħdmu għall-paċi.

“L-insara jaħdmu għall-paċi u l-koeżisenza paċifika u jikkollaboraw għall-ġid tal-pajjiż”.

Fl-2003 fl-Iraq kien hemm 1.5 miljun nisrani u llum hemm biss anqas minn 250,000 u xi wħud isostnu li dawn saħansitra niżlu għal 120,000. L-istess fis-Sirja, fl-2011 kien hemm 1.5 miljun nisrani u llum hemm biss 500,000.

Father Halemba qal li l-insara jridu jaħdmu lkoll flimkien biex jassiguraw li jibqgħu fir-reġjun. “Familji li jitolbu flimkien, jibqgħu flimkien.  Aħna rridu naħdmu għall-ġid ta’ kulħadd. L-organiżazzjoni pontifiċja Aid to church in Need tgħin lill-insara kollha mhux lill-Kattoliċi biss. L-insara għandhom jibqgħu flimkien kif jixtieq Alla li ried l-għaqda fost dawk li jemmnu fih.”

Fl-Iraq u s-Sirja, Aid to church in Need għenet f’mijiet ta’ proġetti differenti biex tgħin lill-insara li jridu jibqgħu jgħixu fir-reġjun. Dan tagħmlu billi tipprovdilhom ikel, ilma għax-xorb, ħalib għat-tfal, edukazzjoni u tiswijiet ta’ djar u knejjes.

F’din is-sena – 2019 – din il-karita’ pontifiċja approvat 147 fis-Sirja filwaqt li s-sena li għaddiet tat l-għajnuna tagħha għal madwar 40 proġett fl-Iraq.

Father Halemba qal li “Aid to Church in Need tgħin lill-insara fil-bżonn b’idejha t-tnejn. Min-naħa tgħin bl-ikel u min-naħa l-oħra tgħin bil-Bibbja. Nipprovdu għajnuna materjali u spiritwali”.

ACN is always trying to help Christians and others in need with both hands. In one hand, we have bread to feed the people, and on the other hand we have the Bible.

“We provide material help and spiritual help in the form of the Word of God.”