“Riskju t’aktar traġedji li jinvolvu l-immigranti irregolari”

L-Ewroparlamentari Roberta Metsola qalet li l-Ewropa tinsab f'riskju t'aktar traġedji kbar li jinvolvu l-immigranti irregolari fil-baħar Mediterran.
Illum wara nofsinhar, il-Parlament Ewropew iddiskuta diversi inċidenti fil-Mediterran filwaqt li ntqal li hemm bżonn t'aktar għajnuna mit-Turkija.
Il-kelliema tal-Grupp Popolari Ewropew għal-libertajiet ċivili u l-ġustizzja Monika Hohlmeier qalet li hemm bżonn jinstabu modi bħalma diġa nstabu għat-terroriżmu u jitwaqqaf darba għal dejjem l-influss tal-immigranti irregolari.

Monika Hohlmeier qalet li l-Unjoni Ewropea qed tistenna aktar koperazzjoni mit-Turkija fit-tfittix għall-bastimenti biex tkun miġġielda l-kwistjoni tat-traffikar tal-immigranti irregolari.
Robert Metsola qalet li l-aħħar fenomenu fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni rregolari jinvolvi bastimenti jivvjaġġaw waħdihom u iffullati aktar minn qatt qabel b’immigranti irregolari.
Qalet ukoll li l-Parlament Ewropew għadda żewġ riżoluzzjonijiet dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni f’dawn l-aħħar 18-il xahar u għalhekk issa hemm bżonn t’azzjoni.