​Riskju li xi skejjel jimpjegaw għalliema bla kwalifiċi – MUT

exam

Hemm riskju li l-iskejjel indipendenti jkollhom jimpjegaw għalliema bla kwalifiċi jekk ma jirċevux għajnuna finanzjarja mill-Gvern skont l-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT).
Fi stqarrija, l-MUT qalet li mingħajr fondi mill-Gvern, jista’ jkun li l-iskejjel indipendenti jkollhom iżidu l-prezzijiet tagħhom. Qalet li dan iwassal għal tnaqqis fil-kwalità u impatt finanzjarju fuq il-ġenituri.
Skont l-MUT, l-iskejjel indipendenti mhux se jkunu jistgħu jlaħħqu mal-pakkett finanzjarju tal-għalliema fl-iskejjel tal-Istat jew tal-Knisja għall-ħames snin li ġejjin sakemm ma jirċevux għajnuna finanzjarja. L-MUT fakkret kif dan il-pakkett tjieb ħafna għall-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja fl-2017.
L-MUT qalet li s-sitwazzjoni tista’ tiddestabilizza s-settur peress li l-għalliema ma jibdewx ifittxu xogħol mal-iskejjel indipendenti.
L-unjin qalet li l-Gvern diġà joffri għajnuna finanzjarja għall-pagi tal-Learning Support Educators (LSEs) fl-iskejjel indipendenti.
L-MUT temmet tgħid li r-reklutaġġ tal-għalliema għas-sena skolastika li jmiss se ssir fil-ġimgħat li ġejjin. Appellat lill-Gvern biex jilħaq ftehim mal-iskejjel indipendenti.