Riskju li tiġi approvata l-pompa tal-petrol f’Ħal Luqa – Graffitti

Il-Moviment Graffitti qal li hemm riskju li tiġi approvata pompa tal-petrol f’Ħal Luqa fuq art ODZ.
Fi stqarrija, il-Moviment Graffiti qal li l-Bord tal-Ippjanar illum se jiddeċiedi dwar applikazzjoni għal pompa tal-petrol enormi fuq art agrikola f’Ħal Luqa.
Il-Bord diġà vvota kontra l-applikazzjoni fil-5 ta’ April, meta kien hemm voti kontra daqs kemm kien hemm voti favur, biċ-Ċerpersin jivvota kontra.
Din se terġa’ tiġi diskussa llum minħabba regola li tgħid li għandu jittieħed vot ieħor f’dawk il-każijiet fejn id-deċiżjoni tal-Board tmur kontra r-rakkomandazzjoni tal-Case Officer.
Fi kliem il-Graffitti, “wieħed jistenna li llum il-Board jikkonferma d-deċiżjoni li ttieħdet fl-ewwel vot, dik li tiġi rrifjutata din l-applikazzjoni, anke minħabba l-fatt li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) topponi bis-sħiħ din il-pompa tal-petrol minħabba l-impatt negattiv li se jkollha fuq l-ambjent. Iżda aħna ninsabu mħassba li hemm ir-riskju li l-vot ta’ llum ikollu eżitu differenti minn dak tal-aħħar laqgħa.”
“Rajna li dan diġà seħħ f’każijiet oħra, bħal per eżempju fil-każ tal-pompa tal-petrol fil-Magħtab, fejn il-Bord, mingħajr ebda raġuni, qabad u biddel id-deċiżjoni tiegħu minn waħda ta’ rifjut għal waħda ta’ approvazzjoni. Għalhekk, il-biża li ċerti poteri li jaħdmu minn wara l-kwinti jiddeterminaw id-deċiżjonijiet tal-Bard hija waħda reali, ibbażata fuq dak li diġà rajna jiġri fil-passat.”
Il-Moviment staqsa jekk ċertu membri tal-Bord li rari jattendu għal-laqgħat tal-Bord jiġux apposta biex ikun żgurat li ċerti applikazzjonijiet jiġu approvati. Staqsa wkoll jekk il-vot ta’ċertu membri jinbidilx minn laqgħa għal oħra minħabba raġunijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mal-ħarsien tal-interess pubbliku.
Skont il-Moviment Graffiti, l-applikazzjoni tal-popma tal-petrol f’Ħal Luqa kellha tiġi diskussa fis-17 ta’ Mejju. Qal li da nil-posponimnet iqajjem mistoqsijiet dwar il-metodi tal-PA.
Il-Moviment Graffiti qal li “l-approvazzjoni tal-pompa tal-petrol f’Ħal Luqa tkun att ta’ sfreġju ambjentali. Żied jgħid li dan l-iżvilupp jissejjaħ “pompa tal-petrol” huwa wkoll qarrieqi għaliex il-biċċa l-kbira ta’ dan l-iżvilupp jikkonsisti f’tip ta’ attività kummerċjali differenti.”
Fi kliem il-Moviment, deċiżjoni tal-Board li tapprova dan l-iżvilupp tkun ammissjoni ċara mill-PA li din qiegħda hemm biss biex taqdi l-interessi ta’ ftit żviluppaturi.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll rappreżentanti ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa, Ramblers Association, BirdLife Malta, Friends of the Earth (Malta), Żminijietna, Nature Trust (Malta), u Kamp Emerġenza Ambjent.
Ritratt: Moviment Graffitti