Riskju li nagħlqu għajnejna għat-theddid kontra l-ħajja – L-Isqof Grech

Djoċesi ta' Għawdex

L-Isqof ta’Għawdex Mario Grech qal hemm ir-riskju li l-bniedem jagħlaq għajnejh għat-theddid kontra l-ħajja.

L-Isqof qal dan fil-Bażilika tal-Agunija fl-Għolja taż-Żebbuġ f’Ġerusalem bħala parti mill-Pellegrinaġġ Djoċesan fl-Art Imqaddsa. Fi kliem l-Isqof, id-dixxipli ta’ Ġesù għalqu għajnejhom quddiem it-theddid li sar kontra l-ħajja ta’ Ġesù. Qal li llum il-ġurnata l-bnedmin kapaċi jagħmlu l-istess quddiem it-theddid kontra l-ħajja umana. L-Isqof żied jgħid li l-ħajja mhix mhedda biss meta hemm ir-riskju li jiġi interrott il-proċess tat-tqala, imma kull darba li jkun hemm azzjoni jew kliem li jfieru d-dinjità tal-bniedem. Spjega li wieħed jista’ wkoll jibqa’ indifferenti quddiem diversi tradimenti li jseħħu bħal fiż-żwieġ, fost il-ħbieb, fuq ix-xogħol, u fil-Knisja.

Fil-Ġetsemani, Ġesù mess il-qiegħ

Skont Mons. Mario Grech, ħafna jafu xi jfisser meta wieħed jgħid li l-bniedem ikun mess il-qiegħ. Spjega li hemm ukoll waqtiet fejn wieħed jiġi konxji mil-limiti tiegħu. L-Isqof qal li “fil-Ġetsemani, Ġesù mess il-qiegħ. Huwa ġarrab xi jfissru l-limiti tal-eżistenza umana.” Żied jgħid li Ġesù tnikket għall-mewt meta ra l-massa tal-ħażen tal-umanità li kien se jerfa’. “Il-passjoni ta’ Kristu għadha għaddejja, għax kull fejn hemm bniedem li qed ibati, Kristu qed ibati miegħu. Kull darba li l-qalb tal-bniedem timtela bl-imrar, il-qalb ta’ Ġesù tfur bid-dwejjaq. Għalhekk, x’inhi l-attitudni tagħna quddiem Ġesù li qiegħed isofri fil-proxxmu?” saħaq Mons. Mario Grech.

Skont l-Isqof, Ġesù ma kienx arrestat mir-Rumani (pagani) “imma mill-establishment reliġjuż”. “X’inhi l-attitudni tagħna llum meta fil-Knisja naraw elementi minn dan il-proċess?” staqsa Mons. Mario Grech. L-Isqof appella biex kulħadd jerfa’ r-responsabbilitajiet tiegħu quddiem kull għamla ta’ tbatija.