Riskju li każ ta’ €14-il miljun jiġi abbandunat

L-investigazzjoni fl-għibien ta’ Madelaine McCann, li sa issa swiet madwar €14-il miljun, tinsab f’riskju li tintemm għal kollox.

Sorsi qrib l-investigazzjoni li tkellmu mal-midja internazzjonali żvelaw kif il-fondi għal din l-investigazzjoni prattikament spiċċaw hekk kif il-maġġoranza tal-ispejjeż intużaw biex koprew l-ivjaġġar lejn ir-resort fejn iċ-ċkejkna Madeleine inħatfet f’Mejju tal-2007.

F’Ottubru tal-2018, l-investigazzjoni bl-isem Operation Grange, irċeviet €175,000  mingħand il-Gvern Ingliż biex b’dawk il-fondi jkunu impjegati erba’ investigaturi oħra fl-investigazzjoni.

Fl-2008 l-Pulizija Portugiża waqfu ħesrem l-investigazzjoni tagħhom fl-għibien tat-tifla. B’reazzjoni għal dan fl-2011 tnediet investigazzjoni separata minn Scotlan Yard. F’perjodu minnhom din l-investigazzjoni kienet qed timpjega 31 investigatur, madanakollu l-istess investigazzjoni waqgħet lura drastikament sal-2015.

Kmieni f’Marzu li għadda Scotland Yard żvelat li hemm bżonn ta’ iktar flus biex l-investigazzjoni fl-għibien ta’ Madeleine tkun tista’ titkompla.