Riskju kbir ta’ aktar imwiet bħal ta’ DCG – Azzjoni Kattolika Maltija

L-Azzjoni Kattolika Maltija qalet li l-mewt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia mhix mewt li saret darba imma hi mewt li ilha tiġri u li hemm riskju kbir li tibqa’ tiġri.
F’riflessjoni dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia, l-Azzjoni Kattolika qalet li dak li ġara t-Tnejn iħalli l-moviment imħawwad u b’ħafna mistoqsijiet.
L-Azzjoni Kattolika stqarret li aktar ħajjiet se jibqgħu jintemmu b’modi differenti u aktar persuni se jibqgħu jsofru minn dawn t-telfiet. Qalet li meta d-dritt assolut tal-ħajja jiġi miċħud, dan ikun ifisser li l-problema ta’ nuqqas ta’ valuri hija waħda kbira.
L-ingredjenti tal-paċi
Fl-istqarrija, l-Azzjoni Kattolika tispjega li hemm erba’ valuri bażiċi għall-paċi: Il-ġustizzja, l-imħabba, il-verità, u l-libertà. Intqal li fin-nuqqas ta’ waħda minn dawn, ma jistax ikun hemm il-paċi.
L-Azzjoni Kattolika fakkret fil-kliem li l-Papa Ġwanni XXIII bihom jiftaħ l-Enċiklika  ‘Pacem in Terris’ – Il-Paċi fl-Art, xewqa qawwija tal-bniedem ta’ kull żmien tista’ biss titwaqqaf u tissaħħaħ b’qima sħiħa lejn l-ordni maħluq minn Alla.
L-Azzjoni Kattolika ħeġġet lin-nies biex jirriflettu fuq il-kumplament tal-Enċiklika:
Issa l-ordni li naraw fl-għaqda ta’ bejn il-bnedmin hu ordni morali: ordni li jinbena fuq il-verità: li jiġi mħarreġ skont il-ġustizzja; li jrid jaf l-għixien u s-sbuħija tiegħu mill-imħabba, iffurmat f’libertà sħiħa u dejjem iżjed ekwilibrata. Dan l-ordni morali, ordni li fil-prinċipji tiegħu jmiss lil kulħadd, hu assolut u ma jitbiddilx, isib il-fundament tiegħu fil-veru Alla personali u traxxendenti bħall-ewwel verità u l-aqwa ġid u għalhekk l-għajn l-aktar profonda li minnha biss is-soċjetà umana tista’ tixrob ħajja ġenwina biex tista’ tkun ordnata, tgħajjex u taqbel mad-dinjità tal-bniedem.
L-Azzjoni Kattolika temmet billi tgħid li qed titlob għal Daphne, il-familja tagħha, l-ħbieb tagħha, u għal dawk li ġenwinament ħassewhom milquta minn dan l-orrur.
Ritratt: Arkivji