Riskju għoli li titlef flusek jekk twieġeb din l-imejl

Flickr/Christopher Schirner

Read in English.

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta wissiet li hemm riskju għoli li titlef flusek jekk twieġeb l-imejl li tidher qarrieqa.

Fi stqarrija l-MFSA qalet li ġiet mgħarrfa b’imejl partikolari ta’ persuna bl-isem ta’ Andrew Yaku li qed jikkuntattja lil klijenti prospettivi biex jinvestu flushom.

Jidher li dan il-persuna qed jiddikjara li jaħdem fl-industrija tas-servizzi finanzjarji barra minn Malta u qed jgħid li qed jirrapreżenta klijent bi profil għoli biex jiftaħ negozju.

L-MFSA wissiet lill-pubbliku biex minbarra li ma jirrispondix għall-imejl iżomm lura milli jipprovdi dettalji personali minħabba li informazzjoni li għandha l-MFSA tissuġġerixxi li dawn l-imejls x’aktarx li huma parti minn skema ta’ natura dubjuża b’riskju għoli ta’ telf ta’ flus. 

Barra minn dan, il-pubbliku għandu jżomm lura milli jidħol f’xi negozju jew transazzjonijiet mal-individwu msemmi hawn fuq.