Riskju ġdid mill-bini magħluq minħabba l-virus: Legionnaires’ disease

Bini kummerċjali li jkun ilu magħluq għal ġimgħat biex titwaqqaf il-firxa tal-coronavirus jaf iżid ir-riskju għal infezzjoni oħra tal-pulmun: Legionnaires’ disease.

Skont ir-Reuters, esperti tas-saħħa pubblika qed iħeġġu lis-sidien tal-proprjetà madwar id-dinja biex jiftħu l-bini magħluq b’kawtela biex jipprevjenu milli tfeġġ din il-forma ta’ pulmonite (pneumonia) li tista’ tkun gravi u xi drabi qattiela.

Qalu li l-għeluq tal-iskejjel, fabbriki, negozji, u uffiċini tal-gvern ħolqu tnaqqis fl-użu tal-ilma bla precedent. In-nuqqas ta’ ilma chlorinated li jgħaddi mill-pajpijiet, flimkien ma’ tibdil irregolari fit-temperatura, ħolqu kundizzjonijiet tajbin għall-batterji li jikkawżaw il-Legionnaires’ disease.

Jekk tinqabad kmieni, il-Legionnaires’ disease hija inqas ta’ riskju għas-saħħa mill-COVID-19, il-marda li jikkawża l-coronavirus il-ġdid. Il-maġġoranza tal-każi jistgħu jiġu kkurati bl-antibijotiċi. Il-Legionnaires’ disease ma tgħaddix minn persuna għal oħra.

Esperti jgħidu li bini li jkun ilu magħluq għal aktar minn tliet ġimgħat ikun f’riskju sakemm il-pajpijiet tal-ilma ma jitnaddfux sew.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn