“Riskju baxx” li l-virus misterjuż Ċiniż jidħol Malta

Read in English.

Hemm biss riskju baxx li virus misterjuż li jidher li infetta lil mijiet ta’ persuni fiċ-Ċina jidħol Malta, skont is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.

Il-Professur Charmaine Gauci qalet lil Newsbook.com.mt li l-virus bħalissa huma limitat għaż-żona taċ-Ċina. Qalet ukoll li jidher li dan it-tip ta’ virus ma jinfirixx daqshekk malajr meta mqabbel ma’ riħ komuni.

Gauci qalet li hemm riskju baxx li każijiet tal-virus jidħlu fl-Ewropa minħabba li ma tantx ikun hemm nies li jmorru Wuhan. Spjegat li s-sitwazzjoni qed tiġi analizzata mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) u mill-Kummissjoni Ewropea.

Skont il-BBC, kien hemm madwar 50 każ konfermat tal-coronavirus il-ġdid imma esperti fl-Ingilterra jaħsbu li hemm madwar 1,700 każ. S’issa mietu żewġ persuni minn marda respiratorja li dehret f’Wuhan f’Diċembru.

Iċ-Ċina irrappurtat li l-coronavirus ġdid 2019-nCoV ġie identifikat bħala l-aġent. Jidher li huwa relatat mal-virus tas-SARS.

Mistoqsija dwar is-sitwazzjoni tal-influenza f’Malta, Prof. Gauci qalet li għalkemm bdew jiżdiedu l-każijiet dan l-aħħar jidher li hemm inqas każijiet mis-snin preċedenti.

Din l-informazzjoni toħroġ minn statistika miġbura mit-tobba tal-familja.