Riserva tal-kaċċa minflok park naturali – Moviment Graffiti

Il-Moviment Graffiti qal li l-Park Naturali tal-Majjistral se jinbidel għal riserva gglorifikata tal-kaċċa minflok ikun post sabiħ li jitgawda miċ-ċittadini.
Fi stqarrija, il-Moviment qal li ma jaqbilx mal-Avviż Legali 300 tal-2017 li permezz tiegħu l-ħinijiet għall-kaċċa u l-insib ġewwa l-Park tal-Majjistral se jiġu estiżi san-12:30 pm u sas-2:30 pm rispettivament.
Il-Graffiti spjega li l-Park tal-Majjistral huwa popolari ħafna mat-tfal tal-iskola u man-nies li jħobbu l-ambjent naturali. Qalu li l-fatt li jkun hemm kaċċaturi bi snieter ikkargati mhux biss itellef mit-trankwillità naturali ta’ dan il-post, imma jkun ukoll ta’ periklu għal dawk li jżuruh.
Il-ħin għall-kaċċa u l-insib ġol-Park tal-Majjistral żdied b’sagħtejn u nofs wara li ntlaħaq ftehim bejn il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) u l-Gvern. Il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK, Lino Farrugia, qal li l-ftehim sar bejn l-FKNK u l-Ministeru għall-Ambjent bl-intervent tas-Segretarju Parlemanteri għad-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri.
Il-Federazzjoni tal-Park tal-Majjistral kienet qalet fi stqarrija li s-sagħtejn aktar għall-kaċċa fl-istess park huma illegali.   
Il-Partit Demokratiku (PD) qal li mhuwiex aċċettabbli li jkun hemm tfal mexjin f’żona tal-isparar, b’referenza għall-Park tal-Majjistral.
F’Ottubru f’għeluq 10 snin mill-ftuħ tiegħu, id-diriġenti tal-Park tal-Majjistral qalu li qed joffru li jkopru l-ispejjeż kollha taż-żjarat li skejjel Maltin u Għawdxin jorganizzaw għal dan il-park nazzjonali, inkluż it-trasport li jużaw.