Ritratti: Estradit raġel minn Franza għal Malta fuq każ ta’ frodi

CMRU

Read in English.

Raġel ta’ 35 sena ġie estradit minn Franza għal Malta fuq allegat każ ta’ frodi.

Fi stqarrija l-Pulizija Maltija qalet li r-raġel ta’ 35 sena imwieled in-Niġer ġie arrestat permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Hu ġie arrestat fi Franza. Fl-aħħar sigħat ir-raġel wasal Malta taħt arrest minn Pariġi u kien skortat minn żewġ Pulizija Maltin.

“Lura f’Ottubru tal-2013, il-Pulizija arrestat żewġt irġiel mill-Kongo hekk kif kienu se jaħarbu minn Malta, mill-Port il-Kbir. Huma kienu arrestati ftit tas-sigħat wara li sid ta’ ħanut tal-ġojjellerija li jinsab fil-Marsa għamel rapport lill-Pulizija li kien ħallas mas-€75,000 għal ammont ta’ deheb li rriżulta li kien deheb falz. Il-bejgħ tad-deheb sar f’lukanda fil-Gżira, b’sid il-ħanut jinduna li d-deheb kien falz wara li l-persuni nvoluti kienu laħqu telqu bil-flus f’idejhom,” qalet il-Pulizija.

“Fil-jiem ta’ wara, f’Ottubru 2013, iż-żewġt irġiel mill-Kongo kienu tressqu l-Qorti u kienu akkużati li għamluha ta’ negozjanti tad-deheb u permezz ta’ deheb falz, ingannaw sid ta’ ħanut is-somma ta’ €75,000. F’Awwissu tal-2014 huma kienu instabu ħatja mill-Qorti tal-Maġistrati u ġew ikkundannati sentejn u sitt xhur priġunerija kull wieħed,” kompla jispjega l-Korp.

Iżda l-investigazzjonijiet tal-Pulizija ma waqfux hawn hekk kif irriżulta li f’dan il-każ kienet involuta t-tielet persuna li rnexxielha taħrab minn Malta mill-ajruport.

Bdew investigazzjonijiet mill-Pulizija stazzjonati mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn irriżulta li l-persuna mfittxija x’aktarx qiegħda fi Franza. Il-Pulizija Maltija, assistiti mill-Pulizija Franċiża, wasslu biex tkun identifikata fejn tinsab din it-tielet persuna nvoluta f’dan ir-reat u nħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew mill-awtoritajiet Maltin. Ir-raġel ta’ 35 sena, imwieled in-Niġer kien arrestat fi Franza.

Fil-jiem illi ġejjin, ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti sabiex jibda’ jgħaddi proċeduri b’rabta mar-reat ta’ allegat frodi li seħħ seba’ snin ilu.