Rinovata l-berġa ta’ Ħaż-Żabbar

DOI - Pierre Sammut

Il-berġa ta’ Ħaż-Żabbar ġiet rinovata b’investiment ta’ €55,000.

Dan tħabbar illum mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Fearne semma wkoll li f’din il-berġa wieħed jista’ jieħu d-demm apparti milli juża s-servizzi ta’ tabib tal-familja u infermier. S’issa aktar minn 700 u 750 persuna għamlu użu minn dawn is-servizzi rispettivament.

Il-fondi ġew min-National Development Social Fund (NDSF).

Skont il-Gvern madwar 52,000 persuna mix-Xgħajra, Wied il-Għajn, iż-Żejtun u Ħaż-Żabbar se jgawdu minn dan il-proġett.

“L-għan tagħna huwa li fi żmien tliet snin f’kull belt u raħal f’pajjiżna jkollna Berġa tas-Saħħa biex b’hekk inkunu nistgħu nipprovdu servizzi mediċi qrib iċ-ċittadin kemm jista’ jkun,” qal Fearne.

Fearne qal li diġà kien sar ix-xogħol fil-bereġ Tal-Pietà, Ħ’Attard, taż-Żurrieq u f’Tas-Sliema. Fil-ġimgħat li ġejjin se tkun inawgurata dik taż-Żejtun.