Rinovat l-uffiċċju ewlieni ta’ SMS Mondial il-Belt

Oriġinalment inawgurati bħala aġenzija tal-ivjaġġar nhar il-21 ta’ Lulju 1966 mill-Ministru tat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien Dr Ġorġ Borg Olivier, fil-preżenza tal-Arċisqof Mikiel Gonzi, l-uffiċċju ewlieni ta’ SMS Mondial fil-Belt Valletta ġie rinovat u inawgurat mill-ġdid.
L-inawgurazzjoni saret nhar il-Ġimgħa li għadda mill-Ministru tat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis, fil-preżenza ta’ Neville Mifsud li lura fl-1966 kien imexxi SMS Travel u t-taqsima turistika u li llum huwa Chairman ta’ SMS Group.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-ftuħ mill-ġdid tal-uffiċċju ewlieni tal-SMS Mondial, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li “dan l-investiment fl-industrija tat-turiżmu, bħal oħrajn, jirrifletti l-fiduċja tal-operaturi turistiċi, kif ukoll jirrikonoxxi x-xejriet pożittivi bir-riżultati inkoraġġanti li dan is-settur irreġistra matul dawn l-aħħar xhur. Dawn ir-riżultati qed ikomplu jipprovdu l-kapital meħtieg għal investiment akbar li qed jissarraf fi prodott turistiku ta’ kwalità li huwa kruċjali għall-pajjiż”. 
Il-Ministru Zammit Lewis qal li s-sena l-oħra kienet sena rekord għat-turizmu Malti, fejn 1.7 miljun turist żaru pajjiżna, minbarra nofs miljun turist ieħor li waslu Malta bi cruise liner. Dan minbarra żieda ta’ iktar minn sitta fil-mija fuq is-sena ta’ qabel ta’ dawk li siefru minn Malta.
L-uffiċċju rinovat u inawgurat fl-aħħar jiem fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, quddiem is-sit tat-Teatru Rjal, ma waqaf qatt jiffunzjona bħala aġenzija tal-ivjaġġar, tant li hu maħsub li proċessa iktar minn nofs miljun btala għal residenti Maltin li riedu jsiefru.
L-SMS Mondial tifforma parti mill-Orange Travel group, li għandha rappreżentanza f’pajjiżi oħra, fosthom l-Alġerija, Ċipru, il-Greċja, il-Ġordan, ir-Russja, it-Tuneżija u t-Turkija.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt.