Ringrazzjament speċjali lill-ħaddiema li qed jiġġieldu l-coronavirus f’Jum il-Ħaddiem

police-health-authorities-inspections-quarantine-coronavirus-25
Miguela Xuereb

Read in English.

F’Jum il-Ħaddiem, il-President faħħar il-bżulija tal-ħaddiema Maltin, li minkejja ż-żmien diffiċli li għaddejjin minnu, jibqgħu jipperseveraw. Huwa ma kienx l-uniku wieħed li wera l-apprezzament tiegħu lejn il-ħaddiema, peress li għadd ta’ għaqdiet irringrazzjaw lill-ħaddiema Maltin ta’ xogħolhom.

Il-ħaddiema li ssemmew minn dawn l-għaqdiet kollha u mill-President ukoll, kienu l-ħaddiema tas-saħħa, li llum, f’Jum il-Ħaddiem, se jibqgħu jippersistu fil-ġlieda tagħhom kontra l-coronavirus, battalja li qegħdin jaffaċċjaw ta’ kuljum.

L-ebda xogħol mhu inferjuri” – Il-President

Fi stqarrija, il-President saħaq li kull xogħol hu nobbli, u ebda xogħol mhu inferjuri. Enfasizza wkoll li Malta m’għandhiexx riżorsi naturali bħal xi pajjiżi oħrajn, u għalhekk tiddependi kompletament fuq ix-xogħol tal-ħaddiema. Il-President Vella qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir li wieħed jinnota l-livelli għoljin ta’ kapaċitajiet u ta’ kompetenzi tekniċi u professjonali li għandhom il-ħaddiema, li jitħarrġu fihom u jwettqu fil-prattika. Is-sehem tan-nisa f’dan kollu hu ta’ min wieħed isemmih, u l-President awgura li aktar nisa jidħlu fis-setturi kollha tal-qasam tax-xogħol.

Il-President b’diqa nnota li din is-sena Jum il-Ħaddiem qed jitfakkar fi sfond mhux tas-soltu; sfond li fih il-ħaddiem mhux jitħalla jmur għax-xogħol minħabba l-pandemija tal-Covid-19 li nfirxet mad-dinja kollha. Huwa wera s-simpatija tiegħu ma’ dawk il-ħaddiema li spiċċaw bi dħul finanzjarju mnaqqas jew imwaqqaf, minħabba għeluq jew tnaqqis tal-impjieg, u stqarr li hu konxju tas-sitwazzjoni anke psikoloġika ta’ dawn il-ħaddiema.

Huwa awgura li wara l-Covid-19, il-ħaddiema kollha, Maltin u Għawdxin, jikkoperaw flimkien biex tibda ddur mill-ġdid ir-rota tal-ekonomija ta’ Malta u biex tingħeleb il-ħsara li ġabet magħha din il-pandemija u kollox imur lura għan-normal fl-iqsar żmien possibbli. Huwa rringrazzja wkoll lill-ħaddiema barranin f’Malta. Ma naqasx milli jirringrazzja lill-għaqdiet tal-ħaddiema li speċjalment fi żminijiet bħal dawn, joffru wens, tarka u saħħa għall-ħaddiema membri tagħhom.

Il-messaġġ tal-President sellem ukoll lil dawk li korrew jew tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol. Sellem ukoll lill-ħaddiema anzjani u rtirati u rringrazzjahom tal-kontribut li taw biex Malta hi dak li hi.

Il-ħaddiema se jgħinu lil Malta toħroġ minn dan iż-żmien – For.U.M.

Fl-okkażjoni tal-ewwel ta’ Mejju, il-Forum Unions Maltin sellmet lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom matul dawn iż-żminijiet diffiċli għal xi wħud u ta’ sfida għal bosta. Stqarret li f’Malta, fejn ir-riżorsa ewlenija hija l-ħaddiema, kulħadd irid jirrikonoxxi li s-suċċessi li kisbet Malta f’kull qasam f’dawn l-aħħar snin inkisbu permezz tal-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Fissret li se jkuna dawn l-istess ħaddiema li se jwasslu sabiex Malta toħroġ minn din is-sitwazzjoni ta’ diffikultà kkawżata mill-pandemija tal-coronavirus u jerġa’ jqum fuq saqajh.

Il-forum semma kif f’Malta wasalna f’ċirkustanza li sikwit ikun hemm theddid fil-konfront ta’ xi ħaddiema, theddid ta’ tkeċċija jew ta’ tnaqqis fil-paga. Madankollu, il-forum bidel il-messaġġ tiegħu f’wieħed b’ton pożittiv u qal li s-sitwazzjoni llum hi differenti u żviluppat fi ftit ġimgħat. Kien realistiku meta qal li minn surplus, Malta se tispiċċa b’defiċit, u l-qgħad se jiżdied, imma qawwiet qalb il-ħaddiema u ħeġġithom biex ladarba jgħaddi kollox, jirritornaw għax-xogħol b’ħeġġa sabiex ir-rota terġa’ tibda ddur.

Il-GWU tfakkar il-ħidma tal-Forzi Armati ta’ Malta; tikkundanna lil Repubblika

Fil-messaġġ tagħha, il-General Workers’ Union ukoll semmiet iż-żmien straordinarju li għaddejjin minnu, u faħħret lill-Gvern talli rnexxielu jilħaq ftehim mas-sħab soċjali kollha rappreżentati fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) bl-iffirmar tal-patt soċjali storiku.

Il-GWU semmiet l-każ tal-immigranti li mietu dan ix-xahar meta kienu qrib iż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Dwar dan il-każ infetħet inkjesta dwar il-Prim Ministru Robert Abela, il-Brigadier tal-Armata Jeffrey Curmi u 11-il uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta, wara li Repubblika ressqet żewġ denunzji fil-konfront tagħhom. Il-GWU stqarret li, “Il-fatt hu li qed ikunu salvati l-ħajjiet speċjalment fost dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Xi kultant għażliet iebsa jridu jsiru speċjalment meta nitħallew waħedna minn UE ineffettiva biex tittratta l-gwerra fil-Libja.”

Qalet li kien traġiku u diżonest li Repubblika ressqet investigazzjoni kriminali kontra dawn, speċjalment kontra l-ħaddiema tal-AFM li jaħdmu qatigħ biex jiżguraw sigurtà fil-Gżejjer Maltin.

Il-Kamra tal-Kummerċ b’messaġġ ta’ kuraġġ lill-ħaddiema

Il-Kamra tal-Kummerċ ħarġet filmat b’messaġġ ta’ tama lill-ħaddiema f’dan iż-żmien ta’ tħassib.

Jum il-Ħaddiem imtappan b’mewt – Kevin Cutajar, PN

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li fadal ħafna xi jsir dwar il-protezzjoni tal-persuna f’postijiet tax-xogħol, speċjalment fejn il-livell tal-periklu hu elevat bħal fil-qasam tal-kostruzzjoni. Irrefera għall-mewt tal-bieraħ f’sit ta’ kostruzzjoni li tappnet il-festa ta’ Jum il-Ħaddiem. Fi stqarrija, Dr Kevin Cutajar, kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kostruzzjoni fakkar li hu dritt ta’ kull ħaddiem li jwettaq xogħlu f’ambjent sigur, kif ukoll li l-pubbliku jkun protett mill-perikli li jistgħu jiġu minn postijiet tax-xogħol.

Għandha tingħata għajnuna lill-ħaddiema mingħajr distinzjoni – SĦPN

Is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista ħarġet stqarrija li fiha qalet li ma jistgħux ma jiftakrux f’tant ħaddiema li qed jaffrontaw wiċċhom ma’ pandemija li laqtet lid-dinja kollha u li ninsabu f’ġirja waħda sabiex nikkontrollaw milli tkompli tinfirex u tagħmel il-ħsara.

L-SĦPN sostniet li dan l-1 ta’ Mejju għandu jkun differenti billi l-għajnuna meħtieġa tingħata mingħajr distinzjoni.

Studenti li jaħdmu abbandunati mill-Gvern – Team Start PN

Team Start PN fakkru li hemm żgħażagħ li minkejja għadhom studenti, xorta daħlu fid-dinja tax-xogħol. Żiedu jgħidu li l-Gvern abbanduna lil dawn l-istudenti matul il-kriżi tal-coronavirus, għax “ma ġewx intitolati għall-benefiċċji għal dawk li spiċċaw bla xogħol imma ma jistgħux jgħaddu bl-istipendju biss”.

Bżonn liġi li teqred il-kuntratti zero-hour – Cacopardo, AD

F’Jum il-Ħaddiem, Alternattiva Demokratika tenfasizza li fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19 issa hu l-waqt li tinbena Ewropa verament soċjali u ekoloġika.  Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ AD qal li l-aktar li batew u qed ibatu f’din il-kriżi huma dawk il-ħaddiema li għandhom pagi baxxi, il-freelancers u s-self-employed.  Insista li hemm ħtieġa ta’ liġijiet li jeqirdu l-kunċett ta’ kuntratti ‘zero-hour’.

Wara l-Covid-19 ejja nibnu ekonomija ġusta – Moviment Graffiti

Il-Moviment Graffiti qal li l-kriżi tal-Covid-19 uriet li l-ħaddiema bl-inqas pagi – bħal dawk fis-setturi tas-saħħa, tat-tindif u l-iskart, tas-sewqan u tad-distribuzzjoni tal-ikel – huma l-ħaddiema li ma nistgħux ngħaddu mingħajrhom.  Insista li wara l-kriżi tal-Covid-19 mhux mixtieq li mmorru lura “għan-normal”, fi kliem il-moviment għall-ekonomija inġusta li kellna.

Appell għal żieda fil-pagama minima – Żminijietna

Intant, l-għaqda Żminijietna qed tappella għal żieda fil-paga minima u biex li kull ħaddiem ikun imsieħeb f’unjin titla’ fuq l-aġenda tal-pajjiż. “Li tkun imsieħeb f’unjin issaħħaħ b’mod formali r-relazzjonijiet industrijali u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema”, qalet l-għaqda.