Rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni ħdejn Għar Lapsi – PD

Il-Partit Demokratiku (PD) qal li qed isir rimi ta’ skart tal-kostruzzoni ħdejn Għar Lapsi fil-limiti tas-Siġġiewi.
Fi stqarrija l-PD qal li għalkemm qed tintuża’ barriera qadima biex jintefa’ fiha l-iskart, qed isir ukoll rimi tal-iskart ‘il barra mill-konfini tal-istess barriera mis-sidien tagħha.
Il-partit qal li huwa kontra l-liġi li ssir ħsara lill-flora, speċjalment tas-sagħtar. 
Il-PD ikkritika dak li sejjaħħlu nuqqas ta’ infurzar tal-liġi kontra r-rimi llegali tal-iskart. Qal li kien hemm każ simili fl-2016 f'barriera oħra fil-Qrendi li jkompli juri n-nuqqas ta’ impenn tal-Gvern biex jħares il-politika tiegħu stess.
Il-PD temm jgħid li jekk l-Awtorità tal-Ippjanar qed tuża l-poltiki b’mod mhux konformi mal-liġi dan ikun ifisser li hemm bżonn ta’ ristrutturar u bidla fil-mentalità.
L-Awtorità tal-Ippjanar twieġeb lill-PD
L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li mhux veru li għalqet għajnejha għal dan l-att illegali.
Qalet li ħarġet notifika tal-infurzar f'April tas-sena l-oħra biex ir-rimi ta' strutturi li ntefgħu f'dawn l-akwati jitneħħew.
L-ERA tgħid lill-operatur biex inaddaf
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalet lill-operatur biex inaddaf iż-żona magħrufa bħala l-Magħlaq mill-iskart li ntrema.
Qalet li wara spezzjoni li saret fl-ewwel ta' Frar ta' din is-sena, l-uffiċjali sabu materjal ta' skart u għalhekk avżaw lill-operatur biex ineħħi kollox sa nofs Marzu.

Ritratti: PD