Rimi illegali f’Ta’ Qali: Il-Pulizija qed jaħbu?

Wara 21 ġurnata l-Pulizija wieġbu għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar il-fatt li karozza tal-Pulizija waqqfet trakk li kien parti minn operazzjoni ta’ rimi illegali ta’ skart f’Ta Qali fis-16 ta’ Novembru. F’sentenza qasira u xotta l-Pulizija qalu biss li ma kellhom l-ebda rapport dwar dan fil-ġurnata u l-ħin li semmejna.

Il-fatti jmeru lill-Pulizija 

An orgy of massive illegal dumping at Ta’ Qali

Ta’ Qali eco-disaster: Bonnici Brothers ‘unaware’, Police silent, PA Acts

  • Il-Ġimgħa 16 ta’ Novembru ftit wara l-11pm karozza tal-Pulizija waqqfet trakk kbir mimli materjal tal-kostruzzjoni. Dan ġara qrib il-Mużew tal-Avjazzjoni. Uffiċjal pulizja mara kienet waħda minn dawk fil-karozza. Is-sewwieq tat-trakk kien mistoqsi x’kien qed jagħmel Ta’ Qali f’dak il-ħin. Huwa wieġeb li kien sejjer jipparkja. Il-pulizija ma tantx emmnu dan u akkumpanjawh għal xi ħin iżda mbagħad telqu.
  • It-trakk kien parti minn operazzjoni ta’ rimi illegali ta’ skart tal-kostruzzjoni. L-operazzjoni kienet inbdiet f’xi l-10pm minn tliet trakkijiet kbar, gaffa u vann. Dawn daħlu minn naħa tal-istejġ tal-karozzi tal-linja Venture. L-aħħar diġit tan-numru ta’ dawn it-trakkijiet kienu ‘3’, ieħor ‘4’ u ieħor ‘8’. It-trakkijiet bdew jarmu l-iskart u l-gaffa bdiet tillivellah ħdejn il-fabbrika abbandunata Southern Concrete Ltd. Barra t-trakk li waqqfu l-pulizija daħal trakk ieħor f’Ta’ Qali minn naħa tar-roundabout tal-Infetti direzzjoni tar-Rabat. Dak kellu l-ittri ‘FWL’.
  • Ir-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni kien ilu sejjer ix-xhur tant li fil-preżent id-daqs tal-art mirduma, f’xi partijiet fond ta’ aktar minn sular, hija akbar mill-istadium li hemm f’Ta’ Qali.
  • F’Ottubru trakkijiet tal-istess ditta kien għamlu mill-anqas lejl wieħed jarmu l-iskart tal-kostruzzjoni li kien qed jinġieb minn proġett li qed isir Burmarrad. Dakinhar huwa kkalkulat li kien hemm mal-40 vjaġġ u li l-operazzjoni damet sejra sa kmieni filgħodu.
  • Kien ippjanat li jsir l-istess fis-16 ta’ Novembru iżda wara li l-pulizija waqqfu lit-trakk ittieħdet id-deċiżjoni li l-operazzjoni titwaqqaf. Sar rimi illegali ta’ skart anke wara s-16 ta’ Novembru.

Il-Pulizija jinjoraw rapporti pubbliċi dwar illegalitajiet?

Wara li Newsbook.com.mt ippubblika r-rapporti msemmija hawn fuq, l-Awtorità tal-Ippjanar ħadet passi u għalqet il-post.

Wara li Newsbook.com.mt ippubblika r-rapporti li barra provi ta’ atti illegali kienu saħansitra jinkludu tagħrif dwar konverżazzjoni bejn il-Pulizija u s-sewwieq ta’ trakk parti minn operazzjoni ta’ rimi illegali, il-Pulizija qalu li ma kellhom l-ebda rapport.

Iċ-ċittadini onesti għandhom għax jistaqsu u jitħassbu.

Għal aktar tagħrif ara hawn