Rilokazzjoni temporanja tal-ITS f’Ħal Luqa

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, se jirriloka mill-bini eżistenti f’San Ġiljan għal bini ikbar fis-sit fejn kien hemm l-uffiċini tal-Air Malta f’Ħal Luqa. Dan se jibqa’ jintuża sakemm il-kampus il-ġdid fi Smart City jitlesta.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ħabbar li l-Istitut se jkun qed ikabbar l-operat tiegħu biex minn 700 student ikun jista’ jilqa’ fih 2,500 student, kemm Maltin kif ukoll barranin.
Din ir-rilokazzjoni qed issir f’konsultazzjoni mal-MUT u mal-General Workers’ Union filwaqt li l-Ministru kkonferma li l-ispejjeż involuti se jitħallsu minn DB Group.
Ġie spjegat ukoll li s-sit temporanju f’Ħal Luqa se jospita l-klassijiet kollha tal-Istitut filwaqt li huwa wkoll imqabbad mal-linja tat-trasport pubbliku.
Il-Ministru spjega li dalwaqt se jkunu qed jiġu ffirmati ftehimiet ma’ universitajiet u istituti barranin. Sostna li din il-viżjoni tikkumplimenta t-tkabbir tal-kampus ewlieni biex jospita numru akbar ta’ studenti biex fil-futur qrib, dan l-Istitut ikun jista’ jfendi għal rasu mill-qliegħ tal-miżati ta’ studenti barranin.
Dawn l-iżviluppi se jwasslu biex l-Istitut jiżviluppa aktar il-kurrikulu tal-korsijiet f’livelli 6 u 7.