Rikording: L-ekskanvażer ta’ John Dalli jipprova jixxaħħam b’€10 miljun

Rikording ta’ telefonata mxandar fuq sit Żvediż, jiżvela kif Silvio Zammit, li kien kanvażer tal-Eks Kummissarju Ewropew John Dalli, allegatament prova jixxaħħam mingħand Inge Delfosse, l-eks Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Ewropew tat-Tabakk li ma jitpejjipx (ESTOC). L-ESTOC jikkampanja kontra l-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk li tista' tomgħodu.
Mit-telefonata, jidher li Zammit ipprova jorganizza laqgħat “tal-ogħla livelli” għal Delfosse, sabiex tiżgiċċa minn regoli li kienu jipprojbixxu tip ta’ tabakk.
Il-każ imur lura għall-2012, meta n-negozjant minn Tas-Sliema kien qed jaffaċċja akkużi ta’ tixħim minn fuq l-isnus, prodott tat-tabakk li tista’ tomogħdu.
Dakinhar Zammit kien qed jiġi akkużat li pprova jinfluwenza lil Dalli bil-flus, meta kien Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, sabiex dan jagħlaq għajnejh dwar l-isnus.
L-isnus, popolari ferm fl-Iżvezja, jista’ jinbiegħ hemmhekk taħt regolamenti stretti tal-UE, u kien hawnhekk meta Zammit talab lil Delfosse, biex jekk tagħtih €10 miljun jirranġalha laqgħa ma’ dak li kien sejjaħlu “l-imgħallem”.
Zammit kien qed jaffaċċja akkużi oħra dwar tixħim ta’ €60 miljun, meta fil-Qorti pulizija xehed li pprova jixxaħħam b’dawn il-flus mingħand il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Swedish Match li timmanifattura l-isnus.
Ir-rikording ippubblikat illum juri li Zammit ipprova jixxaħħam, għalkemm ma kienx irnexxielu.
Tgħidlu: "Ixxukjata"; Jgħidilha "Aħjar tieħu ftit vitamini"
Fil-fatt Delfosse tinstema’ tgħidlu li hi kulma hi “bjonda bla flus” u m’għandhiex dawk il-flejjes li talabha, filwaqt li ħassitha xxukkjata b’li qalilha.
Bi tweġiba umoristika, Zammit staqsieha tinsabx bilqiegħda, u rrakkomandalha li tieħu ftit vitamini.
Fl-2013, rapport maħruġ mill-OLAF, l-Uffiċċju ta’ kontra l-Frodi tal-Unjoni Ewropea, wera li John Dalli kien jaf b’Zammit u l-akkwist li pprova jagħmel.
Ir-rapport tal-OLAF jgħid ukoll li anke jekk Silvio Zammit kien qed jaġixxi b’mod indipendenti, l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli kien qed jikser il-kodiċi tal-etika.
Dalli kellu jirriżenja mill-kariga tiegħu wara r-rapport tal-OLAF.