Rikonoxximent lis-suldati għal servizz twil u effiċjenti fil-Forzi Armati

Fil-barracks ta’ Ħal Luqa, il-Forzi Armati ta’ Malta ospitaw 33 fizzjal, warrant officers, suldati u membri li irtiraw għal ċerimonja tal-għoti tal-midalji fejn ġew iddekorati bil-midalja għal servizz twil u effiċjenti jew bil-clasp korrispondenti tagħhom.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela saħaq fuq id-dedikazzjoni u l-lealtà fil-ħidma tas-suldati Maltin.
Il-Ministru spjega li mis-sena d-dieħla, minbarra l-investiment ta’ madwar €900,000 f’taħriġ u missjonijiet barra l-pajjiż, ftit tal-ġimgħat oħra tidħol ukoll fis-seħħ l-irduppjar tal-allowance tas-suldati.
Din tfisser li dawk minn grad ta’ Maġġur 'l isfel se jkunu qed jibbenefikaw minn madwar €345 fis-sena.
Storikament, midalja għal servizz twil u effiċjenti ġiet ippreżentata lil 253 fizzjal u suldati oħra għall-ewwel darba fl-1992 għal 18-il sena ħidma u kondotta militari nadifa.
Meta suldat jilħaq it-18, 25 jew 30 sena ta’ servizz impekkabbli, il-fizzjal kmandant jiddeċiedi jekk għandux iressaq rakkomandazzjoni.
Huma biss dawk is-suldati li kellhom imġieba eċċezzjonali matul is-snin ta’ dedikazzjoni tagħhom li huma denji ta’ din id-distinzjoni.
Din is-sena 10 suldati ingħataw il-medalja għal servizz twil u effiċjenti mat-tmintax-il sena servizz, 18-il suldat ingħataw il-clasp li tingħata għal servizz ta’ 25 sena, waqt li 5 membri ġew iddekorati b’clasp relatata mat-tletin sena servizz.

Ritratt: DOI – Pierre Sammut