Rikonoxximent Irjali għal ħidma ta’ Jacob Cachia

Ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni bgħatet ittra ta’ rikonoxximent għall-preżentazzjoni tal-ktieb “My Titanium Man” miktub minn Sarah Cachia, omm Jacob Cachia.

Il-ktieb innifsu huwa proġett wieħed ta’ Jacob Cachia. “Jacob Brew” huwa proġett ieħor li jikkonsisti f’kafetterija f’Marsaskala u huwa parti minn ħolma li kellu Jacob li jkollu kafetterija.

Jacob Cachia, kellu operazzjoni serja f’rasu meta kellu biss 15-il sena u kien affettwat minn kundizzjoni rari ħafna msejħa Meningoencephalitis. Parti mill-għadam ta’ ras Jacob ġiet sostitwita bit-titanju. F’mumenti minnhom meta kien l-isptar Jacob kellu wkoll il-possbilità li jitlef ħajtu.

Il-kafetterija ta’ Jacob topera bil-prinċipju ‘paying it forward’ . Dan ifisser li meta tħallas il-kont, dan ikun ittimbrat fuq wara u tkun tista’ tagħddieh lil xi familja li tkun għaddejja minn mument iebes. Din tista’ tippreżenta dan il-kont fil-kafetterija u jingħatalha l-kafè u t-tè b’xejn minn grupp ta’ appoġġ stabbilit fil-kafetterija.