Riklami tax-xogħol għandhom ikunu miftuħa għal kulħadd – NCPE

Read in English.

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) sostniet li r-riklami tax-xogħlijiet għandhom ikunu miftuħa għal kulħadd u ma jeskludux gruppi ta’ persuni, ma jillimitawx il-prospetti u lanqas l-użu tat-talenti tagħhom.

Fi stqarrija l-Kummissjoni qalet li d-diskriminazzjoni xxekkel l-opportunitajiet ta’ impjieg u b’hekk persuni jispiċċaw jiġu esklużi minn xi pożizzjoni minħabba li huma min huma. Il-Kummissjoni fakkret fl-Att dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa li jsostni li “persuni ma jistgħux jippubblikaw, jew jesponu jew iġiegħlu li jiġi pubblikat jew espost xi reklam, jew xort’oħra li jirreklamaw post battal għal xi mpjieg li jkun jiddiskrimina bejn min ikun qed ifittex xogħol”. B’hekk sostniet li reklami diskriminatorji għal postijiet battala ta’ xogħol huma illegali.

Il-Kummissjoni nsistiet li r-reklami m’għandhomx ikunu bbażati fuq sterjotipi għax dawn jistgħu ma jkunux rappreżentattivi u jwasslu għal diskriminazzjoni fost xi applikanti. Semmiet kif sterjotipi jistgħu jkunu varji, kemm fil-kliem li wieħed juża’, fid-deskrizzjonijiet li jinkludu karatteristiċi personali u anke r-ritratti jew stampi li jiġu wżati fir-reklami.

L-istqarrija kompliet tgħid li l-inklużjoni u l-opportunitajiet ugwali fir-reklami jistgħu jiġu msaħħa permezz ta’ dikjarazzjoni prominenti li se jintlaqgħu applikazzjonijiet minn dawk kollha li għandhom il-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa. B’hekk, il-Kummissjoni sostniet li hemm evidenza ċara li l-kandidati kollha huma milqugħin. Sostniet li reklami tat-tip iżidu n-numru ta’ applikanti ta’ kwalità li jitħajru japplikaw u b’hekk jiffaċilita r-reklutaġġ tal-aqwa kandidati għax-xogħol reklamat.

Il-Kummissjoni sostniet li persuni li jħossuhom diskriminati fl-aċċess għax-xogħol jistgħu jagħmlu ilment mal-NCPE għall-investigazzjoni. Qalet li barra minn hekk wieħed jista’ jirrapporta reklami diskriminatorji lill-NCPE li mbagħad tieħu l-azzjoni neċessarja.