Riklami tal-qrar fil-ħwienet f’Raħal Ġdid

Fuq it-talba tal-Papa Franġisku li l-knejjes jinżammu miftuħa għal ħinijiet itwal biex aktar nies jersqu lejn il-knisja biex jitolbu, il-Paroċċa ta’ Raħal Ġdid bdiet kampanja fit-toroq u fil-ħwienet tal-lokalità.

Il-kampanja qed tħeġġeġ aktar nies jersqu lejn is-Sagrament tal-Qrar u għal dan l-għan, f’Raħal Ġdid qed jitwaħħlu għadd ta’ riklami tal-qrar.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, l-Arċipriet Dun Marc Andre Camilleri qal li l-Parroċċa ħejjiet tliet riklami bi tliet lingwi differenti biex ikunu jistgħu jilħqu kemm lill-Maltin u anki lil residenti barranin u turisti.

Il-kampanja ‘Iftaħ Qalbek’ se tibqa’ għaddejja sal-Milied u s-saċerdoti fil-Knsija Parrokkjali ta’ Kristu Re jkunu disponibbli għall-Qrar kuljum bejn is-6.45am u l-11am u bejn is-5.45pm u s-6.30pm. Il-Ħamis u l-Ħadd il-ħin ikun sat-8pm.