Rihanna l-iktar kantanta mara li ddaħħal flus

Il-kantanta Rihanna hi meqjusa bħala l-aktar mara sinjura mill-mużika. Hu stmat li b’kollox għandha valur ta’ $600 miljun.

Din iċ-ċifra fantastika tqegħidha fis-37 post fil-lista ta’ dawk in-nisa li għamlu l-flus bis-saħħa tagħhom stess. Wieħed jista’ jqabbel il-ġid tagħha meta jqabbilha ma’ kantanti nisa oħra. Hekk insibu li għandha flus aktar minn Beyonce, li għandha $400 miljun u tinsab fil-51 post; Madonna, $570 miljun, fid-39 post u Taylor Swift, $360, fis-60 post.

Rihanna, li għandha 31 sena, ġabret is-somma fantastika ta’ ġidha permezz tal-mużika, tat-tours u billi bniet imperu ta’ prodotti u servizzi ta’ sbuħija.

Il-mara minn Barbados hi parti mis-sidien tal-kumpanija tal-irtokk Fenty kif ukoll tal-kumpanija LVMH li tagħmel prodotti lussużi. Il-kumpanija Fenty, li twaqqfet fl-2017, iġġenerat dħul ta’ madwar $570 miljun fis-sena ta’ wara. Rihanna hija wkoll l-ewwel mara ta’ ġilda skura li tmexxi kumpanija kbira tal-moda f’Pariġi.

U dan mhux kollox għax Rihanna hi mdaħħla wkoll fis-servizz tal-istreaming fuq l-internet magħrufuf bħala Tidal u jekk dan mhux biżżejjed, ta’ min ikun jaf li fl-2016 daħħlet aktar minn $22.3 miljun mit-3.3 biljun streams tal-kanzunetti tagħha.