Riħ qawwi jaħkem il-gżejjer Maltin; il-Pulizija bi twissija

Miguela Xuereb

Bejn il-lejl li għadda u kmieni dalgħodu, riħ qawwi ħakem lill-gżejjer Maltin. Kawża ta’ dan, il-Pulizija wissiet lill-pubbliku sabiex joqgħod attent meta jsuq fit-toroq hekk kif jidher li numru ta’ siġar tqaċċtu kawża tal-maltemp.

L-Uffiċċju Metereoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħareġ twissija ta’ riħ mill-Punent li se jkun qawwi ħafna fuq il-Gzejjer Maltin. Bassar li dan se jkun qed ilaħħaq qawwa ta’ riefnu u jdur mill-Majjistral. It-twissija tibqa’ fis-seħħ sal-10pm.

Skont bassara indipendenti tat-temp, Malta Weather, illum mistennija jkollna ħalbiet tax-xita li jistgħu jkunu bir-ragħad u anke b’silġ żgħir. Eventwalment it-temp isir ftit imsaħħab. Ir-riefnu li se jkun qawwi ħafna mill-Majjistral Forza 9 għal Forza 10, mistenni jonqos bilmod għal Forza 7.

Intant, l-inqas temperatura llum mistennija tkun dik ta’ 15-il grad Celsius, filwaqt li l-ogħla temperatura mistennija tilħaq id-19-il grad Celsius.

Skont Maltese Roads Traffic Updates, kien hemm arblu li waqa’ kawża tal-maltemp matul il-lejl li għadda fi Triq Bubaqra fiż-Żurrieq. L-istess paġna qalet li kien hemm ukoll siġra li waqgħet fi Triq tal-Barrani, Santa Luċija.