Rigali magħmula bl-idejn għad-delegati taċ-CHOGM

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar li r-rigali li se jingħataw mill-Prim Ministru u s-Sinjura Muscat lil kull kap ta’ stat waqt iċ-CHOGM huma magħmula bl-idejn mill-klijenti tal-Aġenzija Sapport.
Michael Farrugia qal li meta l-Prim Ministru ħabbar li Malta kienet se torganizza iċ-CHOGM, il-Ministeru mill-ewwel ħaseb li din tkun opportunità tajba għall-persuni b’diżabilità li jattendu ċ-ċentri ta’ matul il-jum tal-Aġenzija Sapport.
Qal li l-klijenti tas-Sapport ħadmu għal dawn l-aħħar xhur fuq ir-rigali għal kull Kap ta’ Stat u Ministri li jagħmlu parti mill-Commonwealth u lill-mijiet ta’ delegati li se jattendu għall-Commonwealth People’s Forum.
Il-klijenti li jattendu l-Aġenzija Sapport, ħadmu fuq iktar minn 600 rigal filwaqt li x-xogħol tqassam bejn id-disa’ ċentri li tieħu ħsieb l-Aġenzija.
Il-Ministru Michael Farrugia spjega kif il-proċess li wassal biex saru dawn ir-rigali, ħa madwar xahrejn fejn l-attività kienet inkluża fil-programm ta’ attivitajiet ta’ kuljum tal-klijenti u b’hekk dan il-proċess serva wkoll ta’ terapija filwaqt li kien proċess edukattiv u inklussiv.

Ritratt: DOI – Omar Camilleri