Rigal tal-Qrendin lill-Madonna

Rigal Qrendi Madonna

F’għeluq l-400 sena parroċċa, il-kumitat organizzattiv tal-Qrendi se jtella’ wirja b’uħud mill-kwadri ex voto fil-Kappella-Santwarju tal-Madonna tal-Ħniena.

Bħalissa s-santwarju jinsab magħluq jistenna li jsirlu r-restawr. Għaldaqstant għal din l-okkażjoni s-Santwarju se jiftaħ il-bibien għal din il-wirja wara snin twal magħluq.

Il-ftuħ tal-wirja se jsir illejla fis-7.30pm u l-wirja tibqa’ miftuħa filgħaxijiet sad-9 ta’ Settembru, festa tal-Madonna tal-Ħniena.

Is-Santwarju ddedikat lill-Madonna tal-Ħniena jinsab fil-parti tal-Qrendi magħrufa bħala ta’ Ħal Lew, li flimkien mal-parti l-oħra magħrufa bħala Ħal Manin, fl-1618 ġew iddikjarati mill-Isqof Baldassare Calgiares bħala l-Parroċċa tal-Qrendi ddedikata lit-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija.

Is-santwarju nbena fl-1650, wara li l-kappella li kien hemm qabel ġiet dekonsagrata minn Monsinjur Pietro Dużina waqt waħda mill-viżti appostoliċi tiegħu fl-1575.

Il-wirja qed tiġi ffinanzjata mill-kumpanija Casapinta Design Group.