Rigal lill-irġiel kollha li jinsabu fi djar tal-anzjani

Read in English.

L-irġiel kollha li jinsabu fid-djar tal-anzjani tal-gvern u f’dawk id-djar fejn hemm arranġamenti ta’ public-private partnership kif ukoll djar fejn il-gvern jixtri s-sodod, il-Kumitat tal-Welfare fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-persuni b’Diżabilità tawhom rigal fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier.

Fi stqarrija s-Segretarjat qal li mit-18 ta’ Ġunju l-qraba bdew iżuru lill-anzjani mingħajr l-użu tal-persperx u setgħu jeħdulhom rigal f’din l-okkażjoni ta’ Jum il-Missier. Dawn ir-rigali qabel jingħataw lill-anzjani se jinżammu f’post sigur għall-perjodu kif indikat mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis fi żjara li għamel f-diversi residenzi għall-anzjani qal li l-okkażjoni ta’ Jum il-Missier hija festa għażiża għal ħafna minna u issa bis-saħħa ta’ dawn il-miżuri l-ġodda l-qraba jistgħu jaraw lill-għeżież tagħhom li jinsabu f’dawn ir-residenzi.

Rigali għall-missirijiet f’diversi ċentri f’Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qassam diversi rigali lill-missirijiet kollha fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier. Huwa żar lil dawk il-missirijiet li bħalissa jinsabu rikoverati fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li qegħdin fid-dar tal-anzjani f’Villa San Lawrenz u l-anzjani li jattendu fiċ-ċerntru tal-anzjanità attiva fix-Xewkija.

Waqt din iż-żjara l-Ministru Camilleri qal li dan huwa ġest żgħir bħala turija ta’ apprezzament lil missirijiet u lill-ħaddiema li jieħdu ħsieb missirijietna, li baqgħu jaħdmu b’tant dedikazzjoni matul dan iż-żmien diffiċli. Żied li din il-festa hija għażiż ħafna għall-poplu Malti u Għawdxi. Fakkar li għalkemm bosta jiċċelebrawh flimkien hemm xi wħud li ma jistgħux jagħmlu dan.