Rigal għad-donaturi tad-demm

Id-donaturi tad-demm qed jiġu offruti t-tilqima tal-influwenza staġjonali mingħajr ħlas.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qal li dan qed jagħmlu b’turija ta’ apprezzament għall-ġest li joffru.
Dawk id-donaturi li jixtiequ jieħdu t-tilqima huma mitluba biex imorru fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa jew fis-Sezzjoni tat-Tilqim ir-Rabat Għawdex.
Min ta d-demm fl-aħħar jiem irid iħalli ġimgħa tgħaddi qabel ma jitlaqqam.
Min-naħa l-oħra dawk li tlaqqmu jridu jħallu ġimgħa tgħaddi qabel jersqu biex jagħtu d-demm.
L-għoti tad-demm jista’ jsir kuljum fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa, bejn it-8am u s-6pm.
Nhar il-Ħadd, il-Mobile Blood Donation Unit se tkun quddiem il-Bini Amministrattiv tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq bejn it-8.30am u s-1pm.
F’Għawdex, nhar il-Ħadd ukoll f’Dar San Pietru u San Pawl fin-Nadur bejn it-8.30am u s-1pm, u t-Tlieta bejn is-1pm u l-5pm fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Nhar it-Tnejn se jsir għoti tad-demm ukoll bejn is-2pm u s-7pm fid-daħla għas-Swali l-Kannella fl-Isptar Mater Dei.