€150,000 għall-għaqdiet sportivi li ħallsu faċilitajiet ta’ Sport Malta

Rifużjoni ta’ €150,000 lill-għaqdiet sportivi fuq il-ħlas tal-użu tal-faċilitajiet sportivi ta’ SportMalta

Sport Malta
Ritratt: Pierre Sammut

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar u ċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil, ħabbar assistenza ta’ €150,000 li se jitqassmu bejn 60 għaqda sportiva bħala rifużjoni li ħallsu għall-użu tal-faċilitajiet sportivi ta’ SportMalta matul l-2020.

Dan tħabbar fl-istess waqt li ġiet inawgurata sala tal-konferenzi ġdida, bl-isem ‘Sala Teddie Borg’ fil-kumpless sportiv tal-Kottonera. Din is-sala takkomodha laqgħat ta’ madwar 100 persuna u tista’ tinqasam fi tlieta sabiex isiru workshops f’biċċiet separati. Din is-sala hija mgħammra wkoll b’apparat awdjoviżwali tal-għola livell. Din is-sala se tkun tista’ tintuża wkoll mill-għaqdiet sportivi sabiex jorganizzaw il-laqgħat tagħhom.

Fl-istess waqt ġew inawgurati wkoll mħażen ġodda għall-apparat u sabiex isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni. Dan kollu jammonta għal madwar €300,000.

Is-Segretarju Parlamentari Grima spjega li l-għaqdiet sportivi kellhom nuqqas ta’ dħul matul il-pandemija tal-Covid-19 li kellha riperkussjonijiet fuq dawn l-għaqdiet. Għalhekk SportMalta qiegħda tagħti rifużjoni lil 60 għaqda sportiva fuq il-ħlas għall-użu tal-faċilitajiet sportivi ta’ SportMalta.

Is-Segretarju Parlamentari qal li SportMalta mill-bidu nett tal-pandemija kienet minn ta quddiem sabiex tagħti l-għajnuna meħtieġa lil dawn l-għaqdiet. Fost dawn kien hemm l-iskema tal-Covid Wage Supplement, sussidju fuq kirjiet tal-artijiet lill-għaqdiet sportivi, l-Online Helpdesk u wkoll ikkummissjonat protokolli mediċi dwar kif jista’ jerġa jsir l-użu sigur tal-faċilitajiet tagħha.

Is-Segretarju Parlamentari filwaqt li rringrazzja lill-Prim Ministru u l-Awtoritajiet tas-Saħħa għat-tmexxija għaqlija tagħhom f’dawn iż-żminijiet, sostna li mill-bidu ta’ dan il-perjodu saru diversi laqgħat mal-awtortitajiet u l-għaqdiet sportivi kkonċernati u li dan huwa pass ieħor sabiex nassiguraw li l-għaqdiet sportivi jerġgħu jiġu fuq saqajhom.

Iċ-Chairman ta’ SportMalta tkellem fuq in-numru ta’ inizzjattivi li ħadet SportMalta fl-2020 speċjalment waqt il-pandemija.  Huwa semma li l-flus mogħtija llum ser jiżdiedu ma’ dawk li ġew mogħtija għall-kirjiet ta` artijiet ta’ SportMalta. Semma wkoll kif l-entità kienet proattiva bil-kampanja BeActive At Home

Il-Kap Eżekuttiv Mark Cutajar qal li għal SportMalta din is-sena wkoll kienet sena importanti. Il-faċilitajiet kollha ġew rinovati sabiex ikunu tal-ogħla livell. L-assistenzi mogħtija, għalkemm fi żmien mhux faċli, kienu rekord.  “Bnejna u komplejna nibnu faċilitajiet ġodda u b’ħidma flimkien mas-Segretarju Parlamentari Grima qed naħdmu biex fi żmien li ġej dawn ir-rekords ikomplu jinkissru għal ġid tal-isport”, tenna il-Kap Eżekuttiv Mark Cutajar.

Ritratt: Pierre Sammut

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.