Rifużjoni oħra tat-taxxa fil-baġit li jmiss – Muscat

Joseph Muscat

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li fil-baġit li jmiss il-Gvern se jkun qed jerga’ jagħti rifużjoni tat-taxxa tad-dħul.

Waqt intervista fuq One Radio, Muscat qal li l-Gvern tiegħu kien qed inaqqas it-taxxi għan-nies kull sena. Muscat qal li biex timplimenta ċertu miżuri jrid ikollok il-flus u tkabbar tal-ekonomija permezz taż-żieda fix-xogħol li jkun hemm. Muscat fakkar kif ftit tal-jiem ilu kien il-Ġappun fejn iddisktua l-possibilità li tibda ssir l-esportazzjoni tal-majjal Malti lejn il-Ġappun. Dwar l-ekonomija Maltija, Muscat qal li l-aġenziji tar-ratings mhux dejjem ikollhom raġun fl-analiżi tagħhom. Madanakollu, fakkar kif is-sena l-oħra Malta kellha l-ewwel upgrade fir-riżultat tagħha mill-aġenijza Fitch.

Egrant

Dwar il-kwistjoni tal-kumpanija Egrant Muscat qal li l-Oppożizzjoni ngħaqdet wara l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li Muscat irrefera għalih bħala l-Kap il-ġdid. “L-Oppożizzjoni għamlet għażla u appoġġjat lil Busuttil. Qablu li ma jerfax ir-responsabbilità ta’ li għamel. Adrian Delia u l-kumplament tal-PN għamlu l-gidba ta’ Egrant il-gidba tagħhom” saħaq Musacat. Huwa insista li Simom Busuttil kien jaf li l-allegazzjonijiet dwar Egrant kienu gidba.

Żieda fil-prezz tal-fuel

Waqt l-intervista Muscat irreaġixxa wkoll għaż-żieda riċenti fil-prezz tal-fuel u tad-diesel. “Il-politika dwar il-fuel hija miġuba fil-kelma stabbilità. L-aktar ħaġa importanti hi li dak li jkun jista’ jippjana fit-tul mingħajr skossi” qal Muscat. Żied jgħid li l-pjan huwa li sal-aħħar tas-sena jingħata perjodu twil ta’ stabbilità fil-prezzijiet.

Mill-1 ta’ Awwissu l-prezz tal-petrol u d-diesel għola, però l-Gvern qal li l-Maltin xorta se jkunu qed iħallsu inqas mill-medja Ewropea.

Il-faqar f’Malta

Muscat qal li bejn l-2008 u l-2013 kien hemm 18,000 żieda fin-nies f’risku tal-faqar. Qal li l-Gvern tiegħu rnexxielu jnaqqas l-ammont b’16,000. Skont Muscat, illum il-ġurnata hemm 82,000 persuna aktar li jaffordjaw imorru vaganza ta’ tliet ijiem u li kien hemm żiedafin-nies li qed iħalsu l-kontijiet fil-ħin u li jistgħu jixtru laħam u ħut aktar ta’ spiss.