Rifużjoni mill-Gvern lill-kunsilli għas-servizz tat-tilqim

Il-Gvern nieda l-ewwel minn sensiela ta’ inizjattivi li permezz tagħhom jagħti kumpens lill-kunsilli lokali għal servizzi offruti lir-residenti fil-lokalità tagħhom.
L-ewwel servizz li għalih il-Gvern se joffri kumpens finanzjarju hu dak marbut mat-tilqim kontra l-influwenza, biex jirrifondi spejjeż marbuta mas-servizz tal-infermieri u r-reklamar li għamlu l-kunsilli.
L-għan hu, spjega s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo, biex il-kunsilli lokali jiġu inċentivati biex joffru dejjem iktar servizzi fil-komunità.
Stefan Buontempo qal ukoll li r-rifużjoni se tingħata għall-ispejjeż kollha li sas-sena li għaddiet kellhom jiġu assorbiti mill-kunsilli lokali weħidhom. Sostna wkoll li dawn għandhom jingħataw l-għajnuna biex l-allokazzjoni diretta ta’ flus tissaħħaħ.
Semma’ wkoll li, iktar tard din is-sena, mill-kunsilli lokali se jibdew jitqassmu l-vawċers għas-coeliacs, li huma kostretti jużaw prodotti mingħajr glutina.
Ritratt: DOI Malta – Clodagh Farrugia O'Neill