Riformi mistennija fir-reġistrazzjoni tal-artijiet

Is-sistema li tintuża biex tiġi rreġistrata l-proprjetà – li ilha tintuża mill-1994 – se tiġi aġġornata fis-sena 2022, u wara jibda l-proċess biex it-territorju nazzjonali kollu jkun reġistrabbli.

Dan ġie kkonfermat mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri f’risposta għal numru ta’ mistoqsijiet parlamentari mid-deputat Joseph Ellis.

Ir-reġistrazzjoni tal-proprjetà kienet sors ta’ kontroversja din is-sena hekk kif l-eredi ta’ familja nobbli irreġistraw artijiet fiċ-ċentru tan-Nadur fejn joqogħdu numru ta’ familji bis-saħħa ta’ dokumenti li jmorru lura għas-seklu 17. Il-kwistjoni għadha ma ġietx riżolta, però is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat kien stqarr li r-Reġistratur tal-Artijiet kien għaġġel meta aċċetta dawn ir-reġistrazzjonijiet, filwaqt li l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fakkar li kawża dwar dawn l-artijiet li tmur lura għas-sena 1956 nqatgħet kontra l-fondazzjoni.

F’dan l-isfond, Ellis staqsa dwar l-estensjoni tal-arei ta’ reġistrazzjoni madwar Malta u Għawdex, u meta hemm ħsieb illi t-territorju kollu jkun reġistrabbli.

Camilleri stqarr li bis-sistema preżenti – il-Land Registration Certification System li ddaħlet fl-1994 – dan ma kienx possibli peress li qatt ma sar it-titjib neċessarju fuq sistema li llum hi outdated.

Għalhekk qed tiġi żviluppata sistema ġdida li se tkun magħrufa bħala Plotter, u li mistennija titlesta fl-2022. Din is-sistema, skont il-ministru, għandha tkun aċċessibbli onlajn, u kull reġistrazzjoni għandha tiġi sottomessa wkoll onlajn

“Malli din is-sistema ġdida tkun lesta, jibda t-trasferiment tad-data mis-sistema preżenti għas-sistema l-ġdida. Dan il-proċess għandu jsir fuq bażi ta’ kunsill u meta d-data tiġi trasferita kollha ta’ dak il-kunsill partikolari, dan il-kunsill jiġi iddikjarat bħala area ta’ reġistrazzjoni. Dan il-proċess huwa maħsub li jieħu madwar sentejn u nofs,” żied jgħid Camilleri.

Fi tweġiba għal mistoqsija relatata ta’ Ellis, Camilleri qal ukoll li l-Ministeru jixtieq jibda proċess ta’ riforma fil-liġi li tirregola r-reġistrazzjoni tal-artijiet sbaiex tkun waħda li tirrefletti aħjar ir-realtajiet tal-lum.