“Riformi fil-viża se jattiraw aktar studenti barranin lejn Malta” – PM

Identity Malta mistennija tħabbar daqt riformi sabiex titwaqqaf sistema ġdida onlajn li biha studenti barranin ikunu jistgħu japplikaw għall-viża biex jiġu Malta.
Ir-riformi jinkludu wkoll l-użu ta’ uffiċini internazzjonali li xogħolhom ikun li jħaffu l-proċess biex student barrani jikseb il-viża, u dan l-aktar għal dawk l-istudenti li ġejjin minn pajjiżi li Malta m’għandhiex xi binja diplomatika fihom.
Waqt żjara fil-London School of Commerce, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan ma jfissirx li se jitbaxxew jew jitneħħew ir-rekwiżiti meħtieġa, iżda qed isir sabiex student, ngħidu aħna mill-Vjetnam, isibha eħfef jekk jagħżel li jistudja f’Malta.
Il-London School of Commerce bħalissa tħaddan 400 student li ġejjin minn 60 pajjiż differenti, u fl-aħħar tliet snin minn kemm ilha miftuħa, iggradwaw minnha aktar minn 100 student.
L-aktar studenti distinti u l-professuri li jgħallmu f’din l-iskola ddeskrivew l-ambjent f’Malta bħala wieħed ta’ suċċess bla preċedent.
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill