Riforma prostituzzjoni: Il-prostituti bħal ħaddiema oħra – NGOs

Read in English.

Għadd ta’ għaqdiet mhux governattivi qalu li r-riforma fil-prostituzzjoni għandha tittratta lill-prostituti bl-istess mod li jiġu trattati ħaddiema oħra.

Fi stqarrija, il-Moviment tad-Drittijiet LGBTIQ f’Malta (MGRM), l-Allied Rainbow Communities, il-Fondazzjoni Aditus, LGBTI+ Gozo, Checkpoint Malta u l-Fondazzjoni Integra argumentaw li jekk il-prostituti jiġu trattati b’mod differenti minn oħrajn, dan mhux se jipproteġihom mill-abbuż.

Skont l-NGOs, dawn il-persuni m’għandhomx jiġu trattati bħala “kriminali jew damsels in distress; il-ħajja tan-nies li jaħdmu fis-settur hija ħafna aktar kumplikata minn hekk.”

L-għaqdiet semmew ir-realtà tat-traffikar uman, imma insistew li ladarba l-prostituzzjoni ma tibqax att kriminali, ikun f’idejn l-awtoritajiet li jimplimentaw mekkaniżmi li joffru programmi ta’ riabilitazzjoni għal dawk li jeħtiġuhom, u jkun hemm pieni aktar ħorox għal dawk li jħaddmu lill-prostituti.

F’kuntrast ma’ li qalu l-Koalizzjoni għat-Traffikar Uman u l-Prostituzzjoni, u l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, l-NGOs qalu li filwaqt li hemm rabta bejn is-sess bħala xogħol u t-traffikar uman, dawn għandhom jiġu ffaċċjati separatament. Spjegaw li filwaqt li hemm ħafna nies li ġew traffikati jew sfruttati, oħrajn daru għall-prostituzzjoni minn jeddhom għal raġuni varji.

L-NGOs qalu wkoll li l-mudell Nordiku proposti mill-Koalizzjoni u mill-NCPE, li l-prostituzzjoni ma tkunx kriminalizzata imma min jixtri s-servizz ikun kriminalizzat, se taħdem bil-kontra għaliex iġġiegħel lil dawk li jaħdmu fil-prostituzzjoni jaħdmu bil-moħbi.

Saħqu li filwaqt li l-kontribuzzjoni tal-għaqdiet hi kruċjali, dawk li jaħdmu fis-settur qed jitħallew barra mid-dibattitu.