Riforma MATSEC: “X’se jiġri lil-letteratura?” – HELA

Il-Fondazzjoni HELA (The Hub for Excellence in the Literary Arts) qalet li hija tinnota b’dispjaċir li r-riforma proposta mill-MATSEC ma tagħmilx ġieħ lill-wirt letterarju Malti, billi l-miżuri proposti jnaqqsu l-aċċess u l-promozzjoni tal-letteratura Maltija. Dawn huma prinċipji mħaddna minn HELA li sservi ta’ pjattaforma għall-kittieba, l-edituri, il-pubblikaturi u t-tradutturi Maltin.

Barra minn HELA, numru ta’ letturi akkademiċi, għaqdiet tal-lingwi u dipartimenti universitarji wrew it-tħassib tagħhom dwar ir-riformi proposti mill-MATSEC, primarjament li lingwa barranija tkun obbligatorja fil-postsekondarja. Dan għaliex huma qed jargumentaw li b’dan il-mod, se jkomplu jitfaqqru l-livelli tal-Malti u l-Ingliż.

Aqra: Riforma MATSEC: “Lingwa barranija obbligatorja se tfaqqar il-livell tal-Malti u l-Ingliż”

“Il-proposti jgħarrqu l-kapaċitajiet intellettwali li toffri l-letteratura”

Fi stqarrija HELA qalet li l-proposti msemmija jgħarrqu l-kapaċitajiet intellettwali li l-letteratura tipprovdi lill-qarrejja, biex jesprimu ħtiġijiethom ta’ kuljum b’idjoma mirquma, kif ukoll biex jifhmu d-dinja ta’ madwarhom. Insistiet li l-istudju u l-apprezzament tal-letteratura ma jistax jitqies biss fid-dawl ta’ litteriżmu. HELA staqsiet lill-MATSEC xi trid tfisser b’komunikazzjoni u profiċjenza msemmija fid-dokument konsultattiv dwar ir-riforma tal-postsekondarja.

Aqra: Filmat: Jitħabbru bidliet fil-MATSEC

Spjegat li s-sistema edukattiva tkun qed taħdem u taqdi lin-nies meta tħallihom jimirħu fil-ħsieb skont il-ħtieġa individwali tagħhom. Insistiet li “l-elokwenza tiġi mill-ftuħ li toffri l-letteratura fil-wisgħa tagħha u mhux bi sforzi li jillimitaw l-esperjenza intellettwali, f’mument kruċjali tal-iżvilupp taż-żgħażagħ, għal ftit lingwi ‘Ewropej’.”

“Gravi jekk nitilfu lil dawk li jfakkruna min aħna”

HELA temmet tgħid li tixtieq tara sforzi konkreti li jirrikonoxxu s-sehem kbir li l-kittieba jagħtu lis-soċjetà għax, skontha, “fl-aħħar mill-aħħar huma l-kittieba li kontinwament jiffurmaw l-immaġinazzjoni u l-memorja kollettiva tagħna. Ikun nuqqas tassew gravi jekk nitilfu ‘l dawk li jfakkruna mnejn ġejjin, min aħna u fejn sejrin.”

Aqra: Possibbiltà li lingwa barranija tkun obbligatorja fil-postsekondarja