Riforma kostruzzjoni: Reġistru tal-Kuntratturi mill-ġimgħa d-dieħla

Il-Gvern ħabbar li bħala parti mir-riforma li qed jagħmel fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni se jsir reġistru tal-kuntratturi li se jinħoloq mill-BRO bil-kooperazzjoni tal-Malta Developers Association.

Il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Ian Borg ħabbar dan filwaqt li fisser li r-reġistru se jkun qed jiġbor ukoll il-klassifikazzjoni ta’ x’servizz jagħti kwalunkwe kuntrattur, inkluż l-inġenji, il-ħaddiema, u l-esperjenza tiegħu.

Il-Ministru Borg ħabbar dan flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Chris Agius u rappreżentanti tal-Kamra tal-Periti u l-Malta Developers Association. Il-Ministru Borg spjega li r-reġistru kien se jkun inkorporat fl-Awtorità l-ġdida iżda bl-iżviluppi ta’ dak li seħħ f’Malta fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern ħaseb biex jibda jilqa’ r-reġistrazzjonijiet immedjatament.

DOI/Reuben Piscopo

Ir-reġistrazzjonijiet jibdew nhar l-Erbgħa

Ir-reġistru se jkun fil-format ta’ direttorju u se jinfetaħ għar-reġistrazzjonijiet minn nhar l-Erbgħa 10 ta’ Lulju. Il-klassifikazzjoni u l-liċenzjar se ssir aktar ‘il quddiem.

Il-President tal-Kamra tal-Periti, il-Perit Simone Vella Lenicker qalet li kien pjaċir kbir li ttieħed dan il-pass u qalet li tħares ’il quddiem għal aktar diskussjonijiet u kooperazzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Malta Developers Association Sandro Chetcuti qal li l-Assoċjazzjoni taqbel ma’ din ir-regolarizzazzjoni. Dan filwaqt li spjega li hemm ħafna nies fl-industrija li jaħdmu kif inhu xieraq u dan ir-reġistru se jkun qiegħed jipproteġi u jmexxi ’l quddiem lil dawk li huma konformi mal-istandards mixtieqa.

Il-mistoqsija tal-ġimgħa fuq Newsbook.com.mt:

[interaction id=”5d08d85cbf075364a807619d”]