Riforma kostruzzjoni: Periti internazzjonali jappoġġjaw lill-Maltin

Il-komunità  internazzjonali tal-arkitetti tat l-appoġġ tagħha għall-isforzi tal-Kamra tal-Periti sabiex ir-responsabbiltajiet ta’ terzi li jipprovdu servizzi fuq siti tal-kostruzzjoni ma jintrefgħux mill-perit. Barra minn hekk, tat l-appoġġ għall-pożizzjoni li ħadet favur linji gwida ċari.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Periti kitbet li Thomas Vonier, President tal-International Union of Architects (UIA), esprima l-appoġġ għall-isforzi tal-Kamra tal-Periti sabiex ir-responsabbiltajiet ta’ terzi li jipprovdu servizzi fuq siti tal-kostruzzjoni ma jintrefgħux mill-perit, kif inhu previst fl-Avviż Legali rigward l-Evitar ta’ Ħsara lil Propjeta’ ta’ Terzi. Il-UIA ukoll appoġġjat il-pożizzjoni li ħadet favur linji gwida ċari.

Barra minn hekk, il-President tal-Union of Mediterranean Architects (UMAR), stqarr li l-25 Assemblea Ġenerali tal-organizzazzjoni li saret din il-ġimgħa f’Ruma esprimiet l-appoġġ għall-Kamra li qed tfittex li l-professjoni tkun issalvagwardjatha. L-Assemblea Ġenerali ukoll tat l-appoġġ lill-Kamra għat-talbiet tagħha sabiex il-Gvern immedjatament jalloka l-fondi suffiċjenti lir-Regolatur sabiex ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet statutorji b’mod effiċjenti u f’waqtu fl-interess tas-saħħa pubblika u tas-sigurta’ fuq u viċin tas-siti tal-kostruzzjoni.

Aqra: Tiġrif: “Hemm bżonn għajnuna psikoloġika u materjali” – PN

Il-Kamra żiedet tgħid li laqgħet l-aħbar tal-Ministru tal-Infrastruttura Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius li taw nhar il-Ġimgħa dwar is-sistema għar-reġistrazzjoni tal-kuntratturi se tiġi fis-seħħ nhar l-Erbgħa. Qalet li s-sigurtà fuq is-siti tal-kostruzzjoni trid tiġi l-ewwel, u r-reġistrazzjoni, il-liċenzjar u l-klassifikazzjoni tal-kuntratturi huma “essenzjali” sabiex jiġi żgurat dan.

Aqra: Riforma kostruzzjoni: Reġistru tal-Kuntratturi mill-ġimgħa d-dieħla

Il-Kamra saħqet li kienet minn tal-ewwel sabiex issir din is-sistema, u infatti ppreparat abbozz għall-Avviż Legali ġdid li jipprovdi qafas għall-proċessi u l-informazzjoni u taħriġ li hemm bżonn biex jintlaħaq l-għan.

Aqra: Il-Kamra tal-Periti ssaqsi jekk l-Avviż Legali preżenti verament jiżgura aktar sigurtà