Riforma fil-kunsilli lokali; Jistgħu jikkontestaw żgħażagħ ta’ 16-il sena

DOI: Pierre Sammut

Riforma fil-gvern lokali issa se tippermetti lil żgħażagħ ta’ 16-il sena biex jikkontestaw għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali. Barra minn hekk, permezz ta’ din ir-riforma, ir-reġjuni għandhom irwoli definiti u aktar responsabbiltajiet tanġibbli. L-istess il-kunsilliera, li kollha se jiġu assenjati qasam partikolari.

Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis hu u jniedi uffiċjalment ir-riforma fil-gvern lokali. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, huwa qal li f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-kunsilli lokali, kien opportun li ssir din ir-riforma biex tissaħħaħ l-awtonomija u d-diċentralizzazzjoni tal-gvern lokali. Din ir-riforma hija r-riżultat ta’ konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni, mal-kunsilli lokali, mal-kunsilli reġjonali, ma’ entitajiet oħrajn u maċ-ċittadini.

Fost il-bidliet ewlenin b’din r-riforma hemm:

  • Ir-reġjuni: Irwoli definiti u aktar responsabbiltajiet tanġibbli, kif ukoll ir-riżorsi meħtieġa biex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom.
  • Il-qasam soċjali, edukattiv u komunitarju: Il-kunsilli lokali se jibdew ikunu aktar ta’ wens u ta’ sostenn għaċ-ċittadini, b’mod partikolari fil-qasam soċjali u edukattiv.
  • Il-kumitati amministrattivi: Il-funzjonijiet tal-kumitati amministrattivi se jgħaddu għand il-kunsill lokali rispettiv u filwaqt li l-kumitati amministrattivi jiġu xolti se jinżammu l-komunitajiet eżistenti. Se jkun hemm kunsillier li se jkollu bħala dekasteru r-responsabbiltà ta’ dawn il-komunitajiet u għal dan il-għan iwaqqfu sottokumitat. Bis-saħħa ta’ din ir-riforma il-komunitajiet se jibda jkollhom vot fil-kunsilli.
  • Ir-responsabbiltajiet tal-kunsilliera: Se jkunu assenjati lill-kunsillieri responsabbiltajiet rispettivi: l-indafa, l-ambjent, iż-żgħażagħ u t-tfal, l-isport u l-attivitajiet fiżiċi, l-innovazzjoni, l-infrastruttura, proġetti, l-anzjani, l-edukazzjoni, il-kultura, il-komunitajiet, l-integrazzjoni soċjali u l-ħarsien tal-annimali.
  • Parteċipazzjoni akbar bis-sehem taż-żgħażagħ: Iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena għandhom id-dritt li jikkontestaw l-elezzjonijiet lokali.
  • Parteċipazzjoni akbar taċ-ċittadini: Iċ-ċittadini se ikunu mistiedna jikkontribwixxu għall-pjan ta’ ħidma fl-ewwel 3 xhur ta’ leġiżlatura ġdida ta’ kunsill lokali.
  • Tisħiħ tar-riżorsi umani: Aktar awtonomija lill-kumitati reġjonali u lill-kunsilli lokali fir-rigward tan-numru ta’ persuni impjegati magħhom, kif ukoll l-impjegati li jkollhom aktar opportunitajiet għall-promozzjoni, u għalhekk ikollhom inċentiv biex dawn jaħdmu aktar bil-qalb u jħossuhom rikonoxxuti tax-xogħol tagħhom.
  • Bidla fl-isem tal-att: L-Att dwar Kunsilli Lokali issa sar jismu l-Att dwar Gvern Lokali.
  • Emenda fil-Kostituzzjoni: Il-klawżola introdotta fl-2001 se tiġi emendata biex tirrifletti l-kunċett ta’ gvern lokali.